Thursday, January 30, 2025

Joe Caruana Curran – president ġdid ta’ Inter Club Malta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Riċentement ġejt maħtur bħala l-president tal-Inter Club Malta. Kemm int kuntent b’din il-kariga u x’tinvolvi?

Kien hemm xi membri li avviċinawni sabiex nikkontesta għal din il-kariga. Ħafna partitarji lokali ta’ Inter riduni nkun il-president ta’ wieħed mill-ikbar klabbs ta’ Inter fl-Ewropa. Huma xtaquni nkompli x-xogħol tant tajjeb li bdew jagħmlu l-amministrazzjoni ta’ qabel iżda fl-istess ħin nġeddu b’ċerta innovazzjoni. Hemm nies li ilhom żmien twil bħala membri u li xorta waħda kapaċi jagħtu s-sehem tagħhom għall-iżvilupp ta’ dan il-klabb filwaqt li dejjem nixtiequ nżidu l-membri.

Illum il-ġurnata għandi 43 sena u għalkemm m’għadnix żgħir, xorta waħda bħala president nista’ naħdem b’sinerġija mal-kumitat il-ġdid. Flimkien nistgħu nwettqu ideat ġodda sabiex inkomplu nissaħħu dejjem aktar. Jien fiduċjuż li bil-ħidma ta’ kulħadd, nistgħu nimxu aktar ‘il quddiem.

Kellimni dwar l-affiljazzjoni bejnkom u s-sede ċentrali ta’ Inter.

Hemm relazzjoni tajba ħafna bejna u bejn il-klabb Nerazzurro b’mod partikolari mal-partitarji tant akkaniti tagħna. Kif għedtlek aħna wieħed mill-akbar klabbs tal-partitarji ta’ Inter fl-Ewropa b’numru ta’ membri affiljati.

Riċentement ġejna mistiedna f’Milan sabiex nitkellmu ma’ xi uffiċjali u diriġenti tat-tim u dan kollu jimliena b’sodisfazzjon enormi. Hemm ideat li ressaqna u oħrajn li ġew proposti sabiex inkunu nfassluhom.

Flimkien mas-segretarju ġenerali Joe Mula u anke l-membri l-oħra fil-kumitat eżekuttiv, għandna entużjażmu kbir biex nimxu ‘l quddiem bħala klabb.

Irnexxielkom tibdew dan it-terminu bil-kbir minħabba li ħabbartu li se jkun qed iżur Malta l-eks goalkeeper leġġendarju Taljan, Walter Zenga. Kif wasaltu għal din l-istedina?

L-ewwelnett il-membri dejjem xtaqu li jkun hemm kontinwazzjoni u għalhekk bdejna nfittxu xi plejers jew aħjar eks plejers li jistgħu possibilment iżuru pajjiżna. Dan dejjem grazzi għal VisitMalta. Ma tantx domna naħsbuha sabiex nagħżlu lil Walter Zenga, li nistgħu nsejħulu bħala bandiera tan-Nerazzurri. Hu wieħed minn dawk l-eks plejers li għandu għal qalbu lil Inter. Wieħed forsi ma jafx imma meta kien għadu żagħżugħ, Zenga kien parti mill-Curva Nord ta’ Inter u dan jagħmlu bħala persuna pura Nerazzurra. Veru li hemm ukoll Javier Zanetti li ilu għal diversi snin l-ewwel bħala plejer simbolu imbagħad bħala diriġent u aktar tard fil-membru tal-kumitat eżekuttiv iżda dan hu Arġentin mhux Taljan. Nirrikonoxxu li se jkollna plejer kbir quddiemna u ninsab ħerqan sabiex inkun nista’ noħodlu b’idejh bħala president ta’ Inter Club Malta. Jien dejjem ngħid li l-partitarji tagħna jistħoqqilhom l-aħjar u hekk qed nippruvaw nagħmlu bħala kumitat.

Nitkellmu dwar it-tim preżenti ta’ Inter. Kemm taħseb li għandkom tim tajjeb biżżejjed biex tirbħu l-kampjonat Taljan?

Fuq il-karta għandna tim tajjeb ħafna għar-rebħ tal-kampjonat. Id-differenza li hemm mal-leaders Napoli hi li huma m’għandhomx tazzi Ewropej filwaqt li Inter huma impenjati fil-UEFA Champions League.

Jien naf li t-tim immexxi minn Antonio Conte se jkun avversarju iebes ħafna għax naf li kull meta jikkowċja dejjem joħloq skwadra kompettitiva. Xorta nemmen li aħna aħjar minn Fiorentina, Napoli, Juventus u Milan iżda kif jgħidu l-ballun hu tond u kollox jista’ jiġri.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk il-partitarji Maltin ta’ Inter u kif wieħed jista’ jingħaqad ma’ Inter Club Malta.

Nixtieq nirringrazzja lill-mijiet ta’ partitarji Maltin li jżommu ma’ Inter. Nixtiequ li nkomplu nżidu dejjem aktar nies sabiex jingħaqdu magħna sabiex ikollna aktar atmosfera sabiħa filwaqt li nħeġġeġ lil dawk kollha dilettanti ta’ dan it-tim sabiex jidħlu fil-profili soċjali tagħna għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet li norganizzaw.

Sport