Fi tmiem il-ġuri, Joseph Grech u ibnu Kurt instabu ħatja bil-qtil taż-żagħżugħ Brandon Pace magħruf bħala l-“Galalli”, bil-verdett tal-ġurati ta’ sitta kontra tlieta.
Fil-Qorti intqal li l-piena se tingħata nhar it-Tnejn, bir-raġuni li d-Difiża għamlet talba sabiex jitressqu xi xhieda oħra. Huwa għalhekk li Joseph Grech u ibnu Kurt magħrufa bħala tan-Nemes għalissa se jibqgħu jinżammu l-ħabs.
Il-ġurati sabu lil Kurt Grech ta’ 31 sena u missieru Joseph ta’ 61 sena ħatja wara li, fil-jiem li għaddew, id-difiża u l-prosekuzzjoni għamlu r-replika u l-kontro-replika tagħhom fil-każ.
Il-vitma, kien inqatel b’daqqiet ta’ sikkina nhar it-2 ta’ April tal-2017 fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun, wara li nqala’ argument jaħraq bejn Kurt Grech u l-eks tfajla tiegħu, Jessica Bilocca, dwar binhom li dak iż-żmien kellu sitt snin.
Għall-akkużatii qed jidhru l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima. Għal parte civile qed jidhru l-Avukati Ishmael Psaila u Rachel Tua.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed jitmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, waqt li l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Elliott Magro.
Dalgħodu: Il-ġuri tal-“Galalli” … il-ġurati jidħlu jiddiliberaw
Dalgħodu fil-Qorti, il-ġurati b’rabta mal-ġuri dwar il-qtil ta’ Brandon Pace, daħlu jiddeliberaw il-verdett.
Iż-żewġ akkużati huma Joseph Grech ta’ 61 sena u t-tifel tiegħu Kurt ta’ 31 sena magħruf bħala “in-Nemes”. Il-vittma huwa Brandon Pace, missier ta’ 3 itfal li kellu 21 sena li kien magħruf bħala “Il-Galalli”.
Fil-Qorti, ġie spjegat li Pace nqatel b’ħames daqqiet ta’ sikkina fit-2 ta’ April tal-2017, fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun. Jidher illi dakinhar kien seħħ argument jaħraq bejn Kurt Grech u l-eks tfajla tiegħu Jessica Bilocca, dwar binhom li dak iż-żmien kellu 6 snin.
Meta l-pulizija waslu fuq il-post, dawn sabu lill-vittma fi blokka tal-appartament f’għadira demm, b’diversi feriti f’sidru u f’daru. Grech sofra ġrieħi f’ġenbu u kellu jittieħed l-isptar għall-kura.
Aktar aġġornamenti mal-ħin …