Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju 2024, fis-6.30pm, fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria, l-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, se jmexxi l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Franklin Micallef (mill-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem).
Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm Velja ta’ Talb nhar il-Ħamis 23 ta’ Mejju, fit-8.00pm, fl-Anfiteatru ta’ Villa Rundle, il-Belt Victoria. Wara, mill-10.00pm sas-7.00am tal-għada, ikompli Lejl ta’ Adorazzjoni b’talb għall-ordinand fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri, il-Belt Victoria.
Kemm l-Ordinazzjoni u kemm il-Velja se jkunu mxandra fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex: www.youtube.com/dioceseofgozo u www.facebook.com/gozodiocese. L-Ordinazzjoni se tixxandar ukoll fuq UTV, Xejk TV u Radju Marija 102.3FM.
Dan il-ġurnal tkellem ma’ Rev. Franklin Micallef innifsu rigward diversi temi u biex insiru nafuh aħjar.
Kif ġietek il-vokazzjoni biex issir saċerdot?
Ma kellix mumenti li biddluli ħajti mil-lejl għan-nhar. Inħoss li l-vokazzjoni tiegħi skoprejtha ftit ftit jien u nikber. Kien hemm diversi saċerdoti fil-parroċċa tiegħi Ta’ Kerċem li tawni eżempju tajjeb. Dejjem rajt kemm is-saċerdot għandu missjoni speċjali u importanti. Meta kont is-Sixth Form ridt nagħżel jekk inkomplix nistudja l-Università jew jekk inkella nidħolx is-Seminarju. It-talb u d-direzzjoni spiritwali kienu ta’ għajnuna kbira biex stajt nagħraf aħjar Alla x’jixtieq minni. Bdejt nagħraf li s-saċerdozju kien it-triq li ser tagħmilni l-aktar kuntent.
Kif għenietek is-sena tad-djakonat fil-mixja tiegħek lejn is-saċerdozju?
F’Ġunju tas-sena l-oħra ġejt ordnat djaknu. Fil-bidu tal-Knisja, ħafna snin ilu, id-djakni kienu nies magħżula biex jgħinu lill-isqof tagħhom fis-servizz u l-qadi. Infatti l-kelma ‘djaknu’ ġejja mill-kelma ‘diakonos’ bil-Grieg li tfisser ‘qaddej’. Din is-sena tatni ċ-ċans inkun aktar qrib tal-batut u ta’ min hu fil-bżonn. Inħoss li din is-sena għenitni nkun aktar sensibbli fil-ministeru tiegħi u nwassal l-imħabba ta’ Kristu lil min jinsab minsi jew emarġinat.
Jinkwetak il-fatt li fil-preżent hemm biss 12-il seminarista fis-Seminarju tal-Arcisqof? Jinkwetak il-fatt li n-numru ta’ żgħażagħ li jiddeċiedu li jibdew is-Seminarju qiegħed dejjem jonqos?
Ir-realtà qed tinbidel b’rata mgħaġġla ħafna. Naħseb li n-numru ta’ seminaristi fis-seminarji tagħna jindika bosta fatturi. Ninkwieta mhux tant li Alla m’għandux isejjaħ żgħażagħ għas-saċerdozju imma aktar għax forsi hemm min hu msejjaħ u qed jaqta’ qalbu li jwieġeb ‘iva’, jew inkella mhux qed jinduna li hu msejjaħ għaliex m’għandux ċans jieqaf u jirrifletti.
Tħoss li hawn kriżi ta’ vokazzjonijiet saċerdotali f’pajjiżna?
Illum il-ġurnata għandna ħafna aktar possibiltajiet u opportunitajiet. Nistgħu nimirħu ‘l bogħod u nagħmlu affarijiet li l-antenati tagħna forsi bilkemm kienu joħolmuhom. Però nħoss li fl-istess waqt aħna ż-żgħażagħ qed insibuha diffiċli li nieħdu deċiżjonijiet f’ħajjitna u nidħlu għal ‘commitments’. Jinkwetani l-fatt li fostna ż-żgħażagħ jinħass sens ta’ biża’ quddiem l-inċertezzi tal-futur u li din il-biża’ tipparalizzana. Naħseb li hemm bżonn aktar sapport liż-żgħażagħ biex ma jibżgħux jikkommettu ruħhom għall-vokazzjoni tagħhom, sew dik saċerdotali, għall-ħajja miżżewġa, għall-ħajja reliġjuża, dik missjunarja … hi x’inhi.
Min hu Kristu għalik?
Kristu għalija huwa dak li għandu s-sigriet għall-ferħ veru. Kultant jiġrili li nibda nfittex il-ferħ tiegħi f’affarijiet oħra, f’dak li hu materjali, u nispiċċa nħossni vojt. Kristu huwa dak li kontinwament idawwalli l-passi tiegħi biex nagħraf li fih insib il-ferħ veru.
Kemm taspira li tkun ‘Kristu ieħor’ bħala qassis?
Nemmen li Kristu jintervenji fil-ħajja personali tagħna b’ħafna modi. Ngħid għalija bosta drabi lili Alla jkellimni permezz tal-familjari tiegħi, permezz ta’ sħabi, jew permezz ta’ xi saċerdot. Nixtieq li fil-qadi tal-ministeru tiegħi nkun strument ieħor ta’ kif Ġesù jkun jista’ jasal għand persuni oħra. Nixtieq li permezz tal-ħidma tiegħi ngħin lill-oħrajn jagħmlu l-iskoperta tal-imħabba ta’ Alla.
X’jogħġbok u xi jbeżżgħek fil-ħajja saċerdotali?
Jogħġobni l-fatt li l-ministeru tagħna jlaqqgħek kontinwament ma’ ħafna nies u ma’ ħafna stejjer. Tkun tista’ tmiss b’idejk il-modi misterjużi ta’ kif Alla jaħdem fl-istorja tal-bnedmin. Mill-banda l-oħra jbeżżagħni l-fatt li kultant il-ħajja saċerdotali jaf tkun diffiċli meta jiġu mumenti fejn tħossok waħdek. Nemmen li ħbiberiji ma’ sħabi s-saċerdoti huma importanti ħafna.
Ma tistax xorta tagħmel il-ġid fis-socjetà u tiżżewweġ jew tibqa’ ġuvni? Hemm bżonn issir qassis? X’jagħmel lill-qassis differenti?
Nemmen li kull irwol huwa importanti fis-soċjetà. Kull vokazzjoni hija strumentali u tista’ tagħmel ħafna ġid. Naħseb li l-irwol tas-saċerdot huwa importanti għaliex huwa bħal dak ir-ragħaj li jieħu ħsieb il-merħla tiegħu, jara li kulħadd miexi fid-direzzjoni t-tajba u jgħin lil min matul it-triq tal-ħajja jisfa’ miġrugħ. Is-sagramenti huma għajnuna u fejqan għan-nisrani matul il-mixja tal-ħajja u s-saċerdot għandu l-irwol li jamministrahom lill-komunità.
Xtaqt ikollok familja tiegħek jew għażilt li ssir saċerdot għax tibża’ mill-fatt li jkollok familja?
Darba smajt lil xi ħadd li qal li “jekk tħoss li m’intix kapaċi tibni familja, anqas int kapaċi tkun qassis”. Kemm li tkun missier u anke li tkun qassis, ifisser li trid tħobb bla kundizzjonijiet, tagħmel ħafna sagrifiċċji u tingħata kompletament. Xtaqt li jkolli familja tiegħi, imma fil-ħajja kull deċiżjoni tfisser li tagħżel xi ħaġa u tħalli warajk xi ħaġa oħra. Il-ħajja saċerdotali u anke li tibni familja huma toroq differenti imma li jwasslu għall-istess għan: mod kif tħobb b’qalbek kollha u taqsam mal-oħrajn l-imħabba li biha jħobbna Alla.
X’inhu r-rwol ta’ qassis fis-soċjetà tal-lum? Min hu l-qassis?
Jien inħoss li l-irwol tas-saċerdot illum hu li jkun bniedem ta’ talb, li jgħix dak li jgħallem, u li jkun lest li jisma’ u jagħti parir lil min ikun jixtieq ftit dawl. Is-saċerdot, forsi b’differenza mis-snin tal-imgħoddi, ma naħsibx li għandu jfittex li jkun ‘all in one’. Fil-kura tal-merħla l-qassis għandu jikkollabora ma’ professjonisti oħra li jikkuraw aspetti diversi fil-bniedem filwaqt li hu jiggwida l-kura tal-qalb li għaliha hemm biss ingredjent wieħed: l-imħabba ta’ Kristu għal kull bniedem.
Għaliex taħseb li tant żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-Knisja jew is-saċerdot jew għad hawn żgħażagħ li jfittxu l-bżonn tal-Knisja u s-saċerdot fil-ħajja tagħhom?
Inħoss li l-ħajja saret mgħaġġla wisq u bosta drabi naqgħu fit-tentazzjoni li naħsbu li l-ħajja spiritwali tagħna mhix daqshekk importanti. Għalhekk tkun waħda mill-ewwel affarijiet li naqtgħu mil-lista tal-affarijiet li huma importanti għalina. Hemm bżonn inkunu l-ħin kollu għaddejjin bla nifs biex nagħmlu suċċess fil-ħajja? U x’inhu dak li verament jagħti sens lil ħajjitna? Inħoss li s-saċerdot jista’ jgħin u jkun ta’ gwida biex inwieġbu għal dan. Fl-istess ħin iltqajt ma’ diversi żgħażagħ li b’sagrifiċċju jsibu ħin biex jieqfu u jirriflettu fuq ħajjithom u s-sens li qed jagħtuha. Nammirahom u nħoss li nitgħallem ħafna minn dawn l-eżempji.
Għaliex għandna bżonn il-qassis illum il-ġurnata?
Bħalma għandna bżonn tat-tabib biex minn żmien għal żmien nagħmlu xi testijiet tas-saħħa biex naraw fejn qegħdin, is-saċerdot huwa persuna li jgħinni biex niltaqa’ mat-Tabib tar-ruħ tiegħi li mhu ħadd għajr Kristu nnifsu. Il-bniedem hu magħmul minn ġisem u ruħ. Ma nistax nieħu ħsieb tiegħi nnifsi b’mod tajjeb jekk nieħu ħsieb ta’ ġismi u nitraskura ruħi, u viċi-versa.
Għaddi messaġġ finali fuq l-importanza li wieħed ikollu lil Kristu f’ħajtu.
Jekk qed taqra din l-intervista, nistiednek biex tieqaf ftit. Kif qed tħossok? Tħoss li inti maħbub/a? Fejn qed tfittex il-ferħ fil-ħajja tiegħek? Agħti ċans lil Ġesù f’ħajtek. Kapaċi ssib fih dak li tant ilek tfittex…