Monday, September 23, 2024

Ktieb dwar l-imħabba lejn l-annimali mqassam lill-istudenti ta’ Skolasajf

Aqra wkoll

Fl-iskola primarja ta’ Ħaż Żebbuġ illum tqassam lill-istudenti ta’ Skolasajf, it-tielet edizzjoni tal-ktieb ‘Aħna t-Tfal Ħbieb tal-Annimali,’ li għandu l-għan li jqajjem kuxjenza fost it-tfal dwar l-importanza li nħarsu lill-annimali tagħna u l-imħabba li dawn kapaċi jagħtu.

Il-pubblikazzjoni tqassmet waqt żjara li saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said. Preżenti kien hemm ukoll il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Alison Bezzina.

Din il-pubblikazzjoni hija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Mill-kitbiet tat-tfal infushom, imżewqa b’diversi poeżiji u siltiet bi stampi kkuluriti, wieħed jista’ jislet is-sensittività u l-innoċenza tat-tfal fejn jidħlu l-annimali, bi spunti ta’ tagħlim għal tfal oħrajn kif ukoll għal ġenituri u adulti li jaqraw il-kitbiet.

Il-Ministru Clifton Grima enfasizza dwar l-importanza tal-qari u qal li dan huwa ktieb ieħor li qed jitqassam fl-iskejjel, li apparti li jkompli jrawwem fit-tfal l-imħabba lejn il-qari, huwa marbut mal-ħarsien tal-annimali. “Il-qari huwa importanti u huwa bażi għal edukazzjoni sħiħa, għalhekk il-litteriżmu qiegħed jingħata importanza fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni l-ġdida. Il-qari jiftaħ orizzonti ġodda u huwa l-bażi ta’ edukazzjoni b’saħħitha,” spjega l-Ministru Clifton Grima.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tkellmet dwar il-bżonn li jkun hawn aktar għarfien u edukazzjoni fejn jidħlu d-drittijiet u l-ħarsien tal-annimali. “Permezz ta’ dan il-ktieb qegħdin nolqtu żewġ fatturi ewlenin, il-kitba u l-annimali. Dawn il-kitbiet juru s-sensittività tat-tfal fejn jidħlu l-annimali u anki jesponu t-talenti sbieħ letterarji li għandhom u li kisbu grazzi għall-edukazzjoni offruta f’pajjiżna,” qalet Bugeja Said.

Hija rringrazzjat lill-Kummissarju u lil dawk kollha involuti f’din il-pubblikazzjoni talli għal darb’oħra ħadu l-inizjattiva li jniedu dan il-ktieb għall-istudenti.

L-uffiċjal għall-promozzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali George Farrugia qal li dan il-ktieb huwa parti mill-missjoni ta’ din l-entità li tippromwovi aktar l-imħabba lejn l-annimali. Permezz tal-kitba mit-tfal qed ikun xprunat aktar il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.

Sport