Sunday, December 22, 2024

Kumitat ta’ ħidma għal ġestjoni aħjar fil-Belt

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Twaqqaf uffiċjalment Kumitat għaż-żamma u ġestjoni aħjar fil-Belt Valletta, li jġib flimkien stakeholders ewlenin flimkien. Dan kollu fil-kuntest tal-ħidma li qed issir fil-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Belt Kapitali. L-għan se jkun għal aktar titjib fiż-żamma u l-ġestjoni fil-Belt Valletta billi tiżdied il-manutenzjoni, l-ordni, is-sigurtà u l-aċċessibilità. 

Il-Kumitat se jkun magħmul minn partijiet interessati fosthom il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-Korp tal-Pulizija, id-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, il-GHRC, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubbliku. 

Għalkemm il-ħidma tal-Kumitat għadha fl-istadji inizjali tagħha, diġà beda jsir xogħol importanti. Waħda mill-ewwel inizjattivi kienet il-ħolqien tal-Valletta Stewards u Cleansing Team għall-Belt Valletta. 

Dawn l-istewards twaqqfu sabiex jaġixxu ta’ deterrent għall-vandaliżmu u l-illegalitajiet, biex iżommu l-ordni, biex jgħinu lin-nies tal-lokal u t-turisti, u biex jassiguraw li kulħadd iżomm mal-liġijiet u r-regolamenti. Huma marbuta b’termini ta’ referenza stabbiliti mill-Kumitat. 

Ġew ipprovduti uniformijiet biex tiġi amplifikata l-preżenza tagħhom fil-belt. Il-ħinijiet tax-xogħol tagħhom saru b’mod u manjiera li jirriflettu l-attività ekonomika u l-influss ta’ turisti fil-Belt Valletta, inklużi xiftijiet fi tmiem il-ġimgħa (sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu).

Min-naħa l-oħra, it-tim tat-tindif żdied fin-numru minn nies diġà ddedikati fil-Belt Valletta u se jkun skjerat ukoll fi tmiem il-ġimgħa u s-sigħat bikrin ta’ filgħodu. L-investiment f’makkinarju ġdid ser jgħin ukoll biex tiżdied l-effiċjenza f’dik li hi indafa pubblika fil-Belt Kapitali. 

Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza stampa li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Anthony Gatt. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Belt Valletta hija mhux biss il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna iżda ukoll sit ta’ Patrimonju Dinji fl-intier tiegħu hekk kif rikonoxxut mill-UNESCO. 

Dr Bonnici qal li l-Gvern fassal pjan ta ġestjoni għall-Belt Valletta li tqiegħed għall-konsultazzjoni pubblika f’Diċembru li għadda fejn ir-rispons kien pożittiv ħafna.

Huwa saħaq li waħda mill-proposti kienet it-twaqqif ta’ kumitat ta’ ħidma li jġib flimkien il-partijiet ewlenin b’rabta mal-Belt Valletta u l-Gvern ħass li jwaqqaf dan il-kumitat għall-aħjar salvagwardja tal-elementi li jagħmlu lill-Belt Valletta patrimonju dinji. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo rrimarka kif il-bilanċ irid jirrenja f’dak kollu li nagħmlu. “Fl-aħħar snin, il-Belt Valletta evolviet minn kull aspett tant li llum għandna Belt Kapitali li hija aktar miftuħa għal rikjesti differenti.

Dan l-avvanz ġab miegħu sfida u għalhekk irridu naraw li jkollna Belt li tkun iżjed organizzata u li fiha jirrenja l-bilanċ bejn l-attività kummerċjali, turistika u kulturali mal-interess ġenerali tar-residenti u kull min iżurha,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. 

Intant, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u c-Chairman tal-Kumitat imsemmi Anthony Gatt enfasizza li l-ħidma ta’ dan il-Kumitat diġà bdiet u qiegħda tħalli l-frott mixtieq. Semma fost oħrajn kif il-Belt issa għadha Stewards tagħha li mhux se jkunu qegħdin “jirfsu” fuq ix-xogħol tal-Pulizija iżda se jikkumplimentaw dik il-ħidma fl-istess waqt li jservu ta’ deterrent għal kwalunkwe illegalitajiet li jistgħu jsiru. 

Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ser jitħabbru iżjed inizjattivi f’dak li għandu x’jaqsam mal-installazjoni ta’ sinjali ġodda u iżjed opportunitajiet ambjentali li permezz tagħhom it-toroq pubbliċi tal-Belt Valletta joffru prodott ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għal kull min iżurha.

Ekonomija

Sport