Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli saħqet li dwar il-qasam tal-enerġija, jew aħjar il-kontijiet tad-dawl, fil-Partit Nazzjonalista tibqa’ tirrenja konfużjoni sħiħa u nuqqas ta’ kredibilità.
Hija nnotat kif fil-preżentazzjoni li għamlu l-PN kien hemm numru ta’ żbalji li sejħitilhom “amateurish”. “L-ewwel żball. Bl-ammont ta’ enerġija li qalu li se jiġġeneraw bil-pannelli, se jiffrankaw 30 miljun ewro. Żball. Għaliex mill-kalkoli li għamilna, dawn bilkemm se jilħqu nofs l-ammont li qed jgħidu.”
“Konfużjoni wkoll dwar is-sussidji. Waqt li fuq l-istess mejda Alex Borg – li kien qal li s-sussidji huma short-lived – issa qalilna li se jwessa’ s-sussidji. Il-kelliem tal-enerġija qal li mhux se jkollna bżonn is-sussidji. Pożizzjonijiet li qegħdin jinbidlu l-ħin kollu. Aħseb u ara kieku kellhom imexxu l-Gvern u pajjiż,” qalet il-Ministru Dalli.
Min-naħa l-oħra, hija sostniet li l-pjan ta’ Gvern Laburista fis-settur tal-enerġija huwa pjan kredibbli, li jagħti garanzija ta’ stabbiltà, kontijiet stabbli minkejja l-għawġ internazzjonali, aktar għajnuna lill-familji u n-negozji flimkien ma’ investiment bla preċedent kemm fil-ġenerazzjoni kif ukoll fid-distribuzzjoni.
“Ma’ Gvern Laburista, in-nies jafu fejn qegħdin. Esperjenzawna. U moħħhom mistrieħ,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.


