Sunday, November 24, 2024

L-evoluzzjoni tat-talent Malti fl-industrija taċ-ċikkulata

Chris Zammit u Tiziano Cassar b’ħarsa storika dwar is-sengħa “tal-iskultura”

Aqra wkoll

“L-industrija taċ-ċikkulata tant qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla mat-teknoloġija li llum il-ġurnata ssib 3D printer taċ-ċikkulata. Fi ftit snin se naslu fi stat li meta tara ċikkulata quddiemek bilkemm tinduna jekk inħadmitx minn persuna jew permezz ta’ makkinarju tekonoloġiku,” fisser Chris Zammit ma’ dan is-sit.

Chris huwa Malti ta’ 43 sena u ilu għal dawn l-aħħar 16-il sena jgħix l-Ingilterra. Huwa għandu għal qalbu immens il-produzzjoni taċ-ċikkulata, tant li joħloq ċikkulatini li joħorġu bħala edizzjoni limitata. Però, l-aktar teknika favorita tiegħu hija l-ħolqien ta’ skulturi freehand: “Fl-2019 kont minn tal-ewwel li bdejt nagħmel skulturi freehand magħmula miċ-ċikkulata … kont l-ewwel wieħed li ħloqt oġġett mhux statiku. Ix-show pieces taċ-ċikkulata tant hemm interess fihom li bosta huma dawk li jinteressaw irwieħhom biex jagħmluhom”.

Huwa żied jgħid li dak iż-żmien, f’Malta ma kien hawn ħadd min jgħallem l-arti taċ-ċikkultata. Għalhekk, kien tħajjar jiġi jagħti xi lezzjonijiet f’Malta. Tant kellu rispons tajjeb li għalkemm għadu jgħix l-Ingilterra u jgħallem ukoll f’diversi pajjiżi, “Għad hemm min jiġi għandi hawnhekk … fosthom, m’ilux kien hemm Malti li attenda f’York għal wieħed mill-workshops tiegħi”. Tajjeb li nsemmu li l-workshops ta’ Chris huma adattati kemm għal dawk il-persuni li diġà għandhom ċertu għarfien f’din l-industrija, kif ukoll għal min mhuwiex daqstant imħarreġ. Il-workshops tiegħu kollha jwasslu biex il-parteċipanti jieħdu sehem f’kompetizzjoni adattata għal-livell tagħhom.

Chris għandu wkoll kċina industrijali mgħammra bl-apparat neċessarju biex jaħdem il-kejkijiet u deżerti li mbagħad iforni bihom diversi pubs, restoranti u lukandi f’Kent u Londra. Barra minn hekk għandu żewġt iħwienet franchise tal-ġelat, bl-isem ‘The G Factory’, bit-tielet ħanut mistenni jinfetaħ f’Novembru li ġej.

Malti jagħmel debut f’dokumentarju Ingliż dwar l-istorja taċ-ċikkulata

Chris, fl-2019 kien ħoloq skultura taċ-ċikkulata li kienet disponibbli għall-pubbliku Malti u Għawdxi waqt il-Festival annwali taċ-Ċikkulata li jsir fil-Ħamrun.

Permezz ta’ madwar 140-150kg, huwa kien ħoloq lil Poseidon (l-alla tal-baħar, skont il-Mitoloġija Griega) b’għoli ta’ madwar seba’ piedi li nħadem fi tlett ijiem. Huwa qalilna li dakinhar tal-attività kienu akkumpanjawh persuni taċ-Channel 4 fejn iffilmjaw partijiet għal ‘The Wonderful World of Chocolate’ – dokumentarju Ingliż dwar l-istorja taċ-ċikkulata.

Minn assistent għall-ħolqien ta’ żewġ “skulturi” fil-Festival taċ-Ċikkulata

Fil-Festival tal-2019, Chris kien megħjun minn Tiziano Cassar – il-moħħ wara l-ħolqien tal-iskulturi kbar taċ-ċikkulata f’dawn l-aħħar żewġ edizzjonijiet konsekuttivi. Għal dawk li attendew il-Festivals tas-sena l-oħra u tas-Sibt li għadda, ċertament li tpaxxew bil-kapulavur tiegħu tal-iskultura li għamel tal-Johnnie Walker (2022), u bl-iskulturi ta’ Russell Crowe – attur prinċipali fil-film ‘Gladiator’ – u Mickey Mouse (2023). Din is-sena huwa kien megħjun mill-assistent tiegħu Clint Sammut.

Il-karriera tiegħu fil-qasam tal-ħelu bdiet 21 sena ilu fejn għall-ewwel kien jiddisinja l-kejkijiet tat-tfal. Tiziano ġej minn familja b’negozju f’dan is-settur tant li l-ħajra għal dan ix-xogħol minn dejjem kienet fih u tgħallem b’dak li kienu jaraw għajnejh: “Tgħallimt min-nies li jkunu magħna … darba kont mort kors taċ-ċikkulata; minn hemm bdejt nattendi korsijiet oħra biex inkompli ntejjeb il-ħiliet tiegħi fl-iddisinjar taċ-ċikkulata,” qal f’kummenti li ta lil dan il-ġurnal.

Huwa spjega li l-għażla għall-iskultura ta’ Russell Crowe kienet imnebbħa mill-imħabba reċiproka li hemm bejn il-Maltin u Crowe nnifsu għaliex huwa artist maħbub mill-Maltin u hu artist li jħobb lil Malta. “Tlabna permess lil Russell Crowe qabel ma bdejna nagħmlu l-iskultura tiegħu u aċċetta mal-ewwel,” fisser Cassar. Min-naħa l-oħra, l-għażla ta’ Mickey Mouse kienet influwenzata mill-100 anniversarju tat-twaqqif tal-kumpanija ‘Walt Disney’.

Iż-żewġ skulturi tas-Sibt li għadda għat-13-il edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata, li għalihom intużaw madwar 220kg ċikkulata (b’140kg minnhom intużaw għall-iskultura ta’ Crowe), inħadmu fuq struttura tal-ħadid. Tiziano qal lil Talk.mt li meta ġew għall-istruttura bbażawha fuq il-qisien u l-fattizzi oriġinali tal-bniedem, kemm mill-għoli kif ukoll fl-ilbies iddisinjat. Rigward l-ammont ta’ ħin li ddedika għal dan il-proġett, huwa kkalkula li fuq l-iskultura ta’ Crowe waħidha qatta’ madwar 90 siegħa.

Minn festival lokali taċ-ċikkulata għal wirja f’Modica

Tiziano qalilna li waqt il-preparamenti għall-edizzjoni ta’ din is-sena, sar ftehim biex it-talent Malti nesponuh ukoll fuq livell internazzjonali: “Wara l-Festival tal-Ħamrun se nitilgħu Modica fejn se nippromwovu t-talent Malti u nuru x’kapaċi nagħmlu aħna l-Maltin”. Infatti, fl-aħħar edizzjoni kien hemm involuti wkoll parteċipanti minn ChocoModica Festival – avveniment li jsir f’Modica, l-Italja.

Hawnhekk Tiziano semma r-raġuni għalfejn għażel li jibni l-iskulturi taċ-ċikkulata bi struttura tal-ħadid, għaliex għal vjaġġar ta’ dan it-tip trid tagħmel ċert li tibni xi ħaġa fis-sod u telimina l-possibbiltà li jinqalgħu problemi fil-prodott finali.

Waqt iż-żjara tiegħu f’Modica, huwa se jkun qed jagħmel l-aħħar irtokki fuq l-iskultura. Din mhix se tkun l-ewwel esperjenza għalih li jippreżenta xogħlu barra minn xtutna għaliex fl-2019 kien diġà kkompeta b’Samurai f’Londra, b’qies ta’ pied u nofs, fejn rebaħ xi fidda.

Sport