Wednesday, April 24, 2024

L-EWROPA FORTIZZA?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Matul is-snin u sal-lum, bqajna nisimgħu kif l-Ewropa għandha turi fiduċja fis-saħħa tagħha billi tkun “miftuħa” fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi u potenzi barra minnha. M’għandhiex issir “fortizza” bil-bibien magħluqa u ħitan li jħarsuha minn kull theddid barrani. 

Wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin fi tmiem is-snin tmenin tas-seklu l-ieħor… bis-simboliżmu politiku qawwi li qanqal… din il-fasla ta’ ħsieb kompliet tissaħħaħ. Wasslet biex l-Unjoni Ewropea twessa’ l-istess fruntieri tagħha għal aktar pajjiżi.

Tabilħaqq illum, daħlet bixra aktar kawta. Jintqal li l-Unjoni għandha tkun “miftuħa” tassew ma’ min ikun miftuħ hu wkoll lejha. Li fil-kompetizzjoni globali li għaddejja bejn ċentri ewlenin ta’ poter globali, trid tippromowovi r-rebbieħa tagħha li jistgħu jegħlbu lill-kampjuni ta’ żoni oħra. Li hemm bżonn ma tiftaħx il-bieb lil min jagħti vantaġġi mhux aċċettabbli lill-impriżi u ċ-ċittadini tiegħu.

L-Unjoni riesqa lejn pożizzjoni fejn se tibqa’ “miftuħa” u mhux fortizza biss lejn min jitmexxa bl-istess regoli li hi titmexxa bihom. 

FL-ISKOZJA

Qamet kontroversja fl-elezzjoni għal min se jmexxi l-Partit Nazzjonali Skoċċiż wara li l-kap Nicola Sturgeon irreżenjat. Kate Forbes, waħda mill-kontestanti, stqarret li kieku kienet membru tal-Parlament Skoċċiż meta ttieħed il-vot dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, kienet tivvota kontra. Issa, dan kien (u għadu) wieħed mil-linji politiċi ewlenin tal-partit. Minkejja li qalet li issa li l-kwistjoni hi deċiża, bħala mexxejja tal-partit (u tal-gvern) fl-Iskozja, mhu se jkollha l-ebda ħsieb tirrevedi x’ġie deċiż, il-kandidatura tagħha ġiet attakkata. 

Qed jibda jagħmel sens l-argument li l-“liberali” jridu joqgħodu attenti biex  ma jsirux intolleranti daqs il-fundamentalisti. Jidhirli li Forbes kellha kull dritt politiku u morali tieħu l-pożizzjoni li ħadet. Sakemm kienet se ġġib ruħha b’rispett lejn id-demokrazija u b’responsabbiltà politika anke lejn sħabha fil-partit, id-dritt tagħha għal fehma distinta minn ta’ ħaddieħor bl-ebda mod ma jista’ jiġi kanċellat.

RESPONSABBILTAJIET POLITIĊI

Kif jitqassmu r-responsabbiltajiet politiċi u kif jiġu eżerċitati?

Hemm responsabbiltajiet direttament personali u hemm oħrajn kollettivi, li jinġarru mill-enti li għandha l-inkarigu li ssammar deċiżjoni – bord maħtur bi statut; eżekuttiv nazzjonali ta’ partit; konferenza ġenerali tal-istess partit; kabinett ta’ ministri fi gvern; Parlament.

Fl-aħħar tip ta’ okkażjoni, r-responsabbiltà kollettiva bilfors tinħass imċallsa u mifruxa. Sakemm il-kwistjoni li qed tiġi ttrattata ma tkunx waħda li qajmet kjass (u allura l-membri preżenti jkunu kkunsidrawha mill-qrib personalment) il-maġġoranza l-kbira tagħhom jistrieħu fuq l-integrità u l-kompetenza ta’ min jippreżenta l-proposti għall-vot. Fuq kollox jistrieħu fuq l-awtorità u l-kompetenza ta’ min imexxi u jiggwida l-laqgħa.

Sport