Sunday, November 24, 2024

L-għażla tagħna tibqa’ dejjem favur il-poplu

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“L-għażla tagħna tibqa’ dejjem favur il-poplu”. Hekk stqarr il-Prim Ministru u Mexxejj tal-Partit Laburista waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq l-istazzjoni One Radio. Stqarr li l-Gvern irid jibqa’ jaħdem kuljum dwar l-għoli tal-ħajja u din il-ħidma ma tieqaf qatt.

Dr Abela qal li l-Gvern ried jaħdem fuq żewġ tipi ta’ inflazzjoni dik tal-ikel u dik tal-enerġija. Dwar l-enerġija pajjiżna għamel xi ħaġa li l-ebda stat membru tal-Unjoni Ewropea m’għamel li baqa’ jżomm il-prezzijiet stabbli. Tenna li dik kellha effett b’saħħtu ħafna għaliex l-inflazzjoni baqgħet ‘l isfel.

Imbgħad irrefera għal ftehim storiku “Stabbilita” li bih il-prezzijiet tal-ikel ukoll ġew ikkontrollati. “Kien hemm min qalilna biex ma nintervjenux fis-suq liberu… Iżda bil-ħidma li wettaqna rnexxielna nġibu lil kulħadd flimkien u wasalna għat-tielet patt soċjali u b’hekk in-nies qegħdin igawdu minn prezzijiet tal-ikel orħos,” stqarr il-Prim MInistru.

L-iffirmar tat-tielet patt soċjali li stabilizza l-prezzijiet tal-ikel wassal biex ir-rata ta inflazzjoni marbuta mal-ikel naqset b’1.2%.

“Ħalla l-effett għax filwaqt li l-prezzijiet tal-ikel f’pajjiżna kienu telgħin, telgħin, mentri fl-Ewropa kienu neżlin, din id-darba din it-trend rajniha ddur u f’diversi oġġetti essenzjali issa erġajna ġejna aħjar mill-Ewropa. U s-sabiħ ta’ din l-iskema hija li issa se tagħti stabbiltà.”

Il-Prim Ministru elenka diversi miżuri oħrajn li daħħal Gvern Laburista li kollha juru li kull pass li jagħmel ikun favur in-nies. Semma wkoll kif qed jiġu investiti għaxar miljuni fuq medda ta’ snin biex ikollna ċentri tas-saħħa aktar moderni. “Qed inżidu l-bereġ fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż għax sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura rridu li jkollna berġa f’kull lokalità. Apparti dan, Robert Abela qal ukoll kif dan il-Gvern kommess li jkompli jsaħħaħ l-għajnuna lill-first-time buyers – waħda mill-inizattivi ewlenin.

Sport