Għada, bħal kull sena, pajjiżna se jiċċelebra l-festa tas-Sette Giugno. Din hija ġurnata li tfakkarna fl-avvenimenti li seħħew fis7 ta’ Ġunju 1919. Dan speċifikament l-irvellijiet mill-poplu Malti kontra l-ħakma Ingliża. Meta wieħed jifhem il-kuntest li seħħew fih dawn l-irvellijiet, jagħraf li dawn seħħew f’perjodu tal-istorja li fih pajjiżna kien ikkaratterizzat minn problemi ekonomiċi u soċjali kbar.
Ta’ min wieħed jgħid li dan kien żmien diffiċli u waqt il-protesti li kienu saru, kienu tilfu ħajjithom erba’ patrijottti Maltin – Wenzu Dyer, Ġużeppi Bajada, Manwel Attard u Karmenu Abela. Dawn ma kinux tilfu ħajjithom għall-unur personali jew biex isimhom jibqa’ biss imnaqqax fuq monument. Tilfu ħajjithom għax il-poplu tagħhom kien qed jitlob l-aktar ħaġa fundamentali, dik li jkollu vuċi, li jingħata widen, li jiġi trattat b’dinjità fil-pajjiż tiegħu stess.
U hekk kif qegħdin nirreferu għal din il-ġrajja storika, ma nistgħux ukoll ma nagħmlux referenza għad-diskors tal-Ispeaker Anġlu Farrugia waqt iċċerimonja li saret ilbieraħ u li proprju fakkret dan l-avveniment. Kif stqarr l-Ispeaker, is-Sette Giugno ma kienx sempliċement irvell, ma kienx biss reazzjoni ta’ mument imma kien il-frott morr ta’ tbatija li kienet ilha tinġabar.
Is-Sette Giugno kien ukoll il-frott talgħoli tal-ħajja, tal-ġuħ, tal-qgħad, tal-frustrazzjoni u fuq kollox tas-sens qawwi li poplu sħiħ ma kienx qed jingħata l-valur li kien jistħoqqlu. Qabel ma sar monument, qabel ma sar jum nazzjonali, qabel ma sar tifkira solenni, is-Sette Giugno kien dmugħ f’għajnejn l-ommijiet, biża’ filfamilji u demm Malti mxerred fit-toroq ta’ pajjiżna. L-importanza u s-sinifikat tal-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju huma riflessi fil-fatt li dan il-jum huwa wieħd mill-ħames festi nazzjonali li niċċelebraw f’pajjiżna.
B’ħames festi nazzjonali, pajjiżna huwa wieħed mill-ftit nazzjonijiet fid-dinja li għandhom aktar minn festa nazzjonali waħda. Nemmnu iżda li l-Jum tas-7 ta’ Ġunju, is-Sette Giugno, għandu jibqa’ jiġi ċċelebrat f’għożża u r-rispett. Dan għaliex dan il-jum kien l-akbar pass li wassal biex Malta fl-1921, ikollha l-ewwel Gvern biex tmexxi lilha nnifisha anke jekk b’diversi restrizzjonijiet imposti fuqha. Jum is-Sette Giugno, bħalma dakinhar xegħel il-fjamma tal-libertà għall-poplu, hekk għandu jibqa’ f’moħħna biex ifakkarna li aħjar bil-ġuħ milli mjassar.
Fuq kollox naqblu wkoll mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati meta qal li s-Sette Giugno għandu jibqa’ jfakkarna li d-dinjità talbniedem m’għandhiex prezz, li l-vuċi tal-poplu m’għandhiex tiġi mwarrba u li l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għandha tibqa’ dejjem id-dar tas-serjetà, tal-maturità u tal-ġid komuni.


