Raġel ta’ 41 sena kien akkużat li kkawża ħsarat fuq karozzi pparkjati, li kiser il-paċi pubblika, kif ukoll li kien qed jgħix ħajja ta’ għażż u ta’ vagabundaġġ.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-każ seħħ fil-jiem li għaddew meta l-għassa tal-Pulizija fis-Siġġiewi rċeviet numru ta’ rapporti dwar raġel li deher jgħajjat lin-nies fit-toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll li kien qed jagħmel ħsara lil numru ta’ karozzi pparkjati, waqt li kien fis-sakra.
Ingħad li meta l-Pulizija waslu fuq il-post, sabu l-akkużat u arrestawh. Il-Pulizija ħadu lill-akkużat l-Isptar Mater Dei peress li kien għadu taħt l-effett tal-alkoħol. Huwa tressaq fil-Qorti nhar il-Ġimgħa. L-arrest tiegħu ma ġiex ikkontestat. L-akkużat wieġeb li huwa ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni talbet biex l-akkużat jingħata sentenza ta’ ħabs minħabba li meta twettqu r-reati, huwa kien qed jgħix f’Malta b’mod illegali. Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li lfatt li l-akkużat huwa immigrant illegali m’għandu l-ebda konnessjoni mal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti kienet ippreseduta minn Maġistrat Nadia Helena Vella. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut. Id-Difiża tmexxiet mill-Avukat Silvan Pulis.


