Saturday, June 6, 2026

Xolt ġuri dwar allegat stupu ta’ tifla ta’ 13 -il sena

… wara li l-Prim Ġurat jgħid li l-Avukat Difensur kien l-avukat tiegħu fi proċeduri separati

Aqra wkoll

Ġuri dwar allegat stupru ta’ tifla ta’ 13- il sena kellu jiġi xolt wara li l-Prim ġurat informa lill-Qorti li l-Avukat tad-Difiża fil-każ kien l-avukati tiegħu f’każ separat kontrih. Id-Difiża informat lill-Qorti li qatt ma kienet rat jew kellha kuntatt mal-ġurat. 

Il-ġuri li kellu jibda kontra raġel ta’ 56 sena minn Bormla, akkużat bi stupru aggravat u b’sensiela ta’ atti sesswali fuq tifla ta’ 13-il sena, kellu jiġi xolt wara li l-Prim Ġurat qam fil-bidu tal-proċeduri u qal li ma kienx ċert jekk kellux jinforma lill-Qorti li l-Avukat tad-Difiża fil-ġuri huwa wkoll l-avukat tiegħu fi proċeduri separati. 

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ma kellhiex għażla ħlief li xxolji l-ġuri, peress li l-ġurati kienu diġà ntgħażlu u l-proċeduri kienu bdew. Hija żiedet tgħid li din l-informazzjoni kellha tingħata qabel ma kienu jintgħażlu l-ġurati. Wara li l-ġurati ntalbu joħorġu mill-awla, id-Difiża mmexxija mill-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud, kif ukoll Nicole Falzon, spjegat li t-tip ta’ każ li għandu l-ġurat huwa wieħed fejn id-difiża ma jkollhiex kuntatt mal-klijent qabel il-jum tal-kawża. 

Żiedu li l-każ jikkonċerna akkużi relatati mal-kaċċa kontra l-ġurat. Barra minn hekk, huma skużaw ruħhom għall-inċident u qalu li bl-ebda mod ma kienu qed jippruvaw jaħbu informazzjoni mill-Qorti, filwaqt li enfasizzaw li qatt ma kienu raw jew kellhom kuntatt mal-kap tal-ġurati qabel. 

Il-każ issa se jkollu jibda l-proċeduri mill-ġdid. Il-ġuri kien presedut mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Darlene Grima u Jennifer Polidano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport