Kull pajjiż għandu l-mumenti tiegħu ta’ tbatija u twelid mill-ġdid; iżda ftit huma dawk li jistgħu jgħidu li rawhom minn għajnejn it-tfulija u mbagħad reġgħu għexuhom mill-ġdid bħala protagonisti. Fl‑1958, meta l-biċċa l-kbira tat-tfal kienu jilagħbu fit-toroq jew jiġru wara ballun, tifel ta’ disa’ snin kien jinsab f’nofs ġrajja li kienet se tbiddel il-kors tal-istorja Maltija. Dak it-tifel kien jismu Anthony ( Tony) De Bono, u dak il-jum — 28 ta’ April tas-sena 1958 — baqa’ mnaqqax fih b’mod li lanqas iż-żmien ma rnexxielu jċajpar.
Jakkumpanja lin-nannu tiegħu Romeo Romano, li warajh illum jġorr ismu wieħed mill-ikbar ġonna tal-pajjiż, ra l-irvellijiet jinfetħu quddiemu bħal xena li tħalltek bejn il-biża’ u l-għożża. Ir-riżenja ta’ Dom Mintoff kienet qajmet tempesta li ħadd ma kien kapaċi jrażżan, u dik it-tempesta kienet se twassal — pass wara pass, sena wara sena — għall-Indipendenza tas-sena 1964.
Minn hemm beda vjaġġ li ma kienx biss tiegħu, iżda tal-pajjiż kollu. Dak it-tifel sar iż‑żagħżugħ li, bħala Segretarju Privat ta’ tliet Ministri konsekuttivi għal 12 il-sena sħaħ, sab ruħu fil-qalba tal-makkinarju tal-Istat, jaħdem mill-qrib mal-Prim Ministru Mintoff — relazzjoni dokumentata mhux bil-kliem biss, iżda f’ritratti u rakkonti storiċi indipendenti.
U hekk, wieħed wara l-ieħor, għadda minn kull pass li biddel il-wiċċ ta’ Malta: l‑Indipendenza tas-sena 1964, ir‑Repubblika tas-sena 1974, li għaliha kien delegat biex imexxi n‑negozjati bejn il-partiti, u l‑Ħelsien tas-sena 1979, meta l-aħħar suldat barrani telaq minn fuq l-art tagħna.
Għal ħafna, dawn huma kapitli tal-istorja. Għalih, huma kapitli tal-ħajja. Kif osservat it‑Torċa fil-karatteristika kulturali tagħha tal‑2026, il-vjaġġ tiegħu u dak ta’ Malta huma, fil-fond nett tagħhom, wieħed u l-istess.
L‑istorja ta’ Malta hija katina ta’ ġrajjiet li ħallew marka fuq ġenerazzjonijiet. Mis-Sette Giugno tas-sena 1919, meta l‑poplu Malti għall‑ewwel darba qam kontra l‑għafsa kolonjali, sal‑28 ta’ April tas-sena 1958, meta l‑ħaddiema u ż‑żgħażagħ reġgħu ħarġu fit‑toroq biex jitolbu ġustizzja u rispett, il‑mixja kienet waħda ta’ sagrifiċċju u determinazzjoni.
Il‑ġlieda tal‑1958 ma kinitx episodju iżolat, iżda punt ta’ bidla li fetaħ triq għall‑Indipendenza fl‑1964, għar‑Repubblika fl‑1974 u għall‑Ħelsien fl‑1979.
Illum, Malta hija stat modern li mexxa l‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑NU, il‑Commonwealth Ministerial Action Group, l‑OSCE u l‑Kunsill tal‑Ewropa. Ekonomija b’saħħitha, impjieg sħiħ u ekosistema innovattiva huma frott ta’ ġenerazzjonijiet li qamu, li ħallsu prezz u li qatt ma ċedew.
IT-TORĊA tkellmet ma’ Anthony (Tony) De Bono, in‑neputi ta’ Romeo Romano — wieħed mis‑suldati tal‑azzar — li bħala tifel ta’ disa’ snin ra b’għajnejh il‑ġrajja li bidlet lil Malta.
L‑għeruq tal‑ġlieda: mis-Sette Giugno għas-sena 1958
Anthony, qabel ma nasal għas-sena 1958, irridu nifhmu l‑għeruq. Kemm kien importanti s‑Sette Giugno fil‑memorja tal‑familja tiegħek?
Iwieġeb li “s‑Sette Giugno kien il‑ġenesi tal‑qawmien Malti. Dak id‑demm li ġġarrab fis-sena 1919 baqa’ jgħix fil‑familji tagħna. In‑nannu tiegħi, Romeo Romano, trabba b’dik il‑memorja: li l‑poplu għandu d‑dritt jgħix b’dinjità. Il‑ġrajja tas-sena 1919 fetħet għajnejn il‑Maltin li l‑vuċi tagħhom tista’ tbiddel l‑istorja. Il‑poplu qam bla mexxejja formali, bla strutturi, bla strateġija — imma qam. U ħallas bid‑demm. Għalhekk, meta wasal il‑1958, il‑poplu ma kienx qed jibda ġlieda ġdida — kien qed ikompli dik li bdew missirijietna.”
Il‑mixja lejn l‑istrajk ġenerali: ġimgħat ta’ tensjoni, snin ta’ frustrazzjoni
Nistaqsieh kif wasalna għall‑istrajk ġenerali tat‑28 ta’ April?
L-Ambaxxatur DeBono jgħidilna li “l‑istrajk ma kienx deċiżjoni f’daqqa. Kien il‑frott ta’ snin ta’ tensjoni bejn il‑Gvern Malti u l‑amministrazzjoni kolonjali. Il‑Gvern Laburista ta’ Mintoff kien qed jimbotta għal Integration — mhux bħala kapriċċ politiku, imma bħala garanzija ta’ dinjità għall‑Maltin: paga aħjar, servizzi soċjali moderni, u tmiem id‑diskriminazzjoni kolonjali. Imma l‑Ingliżi bdew jirtiraw il‑wegħdiet tagħhom: tnaqqis fl‑infiq, deċiżjonijiet fit‑Tarzna mingħajr konsultazzjoni, theddid ta’ sensji massivi U ċaħda li jiddiskutu Kostituzzjoni għall‑indipendenza. Il‑poplu beda jħoss li kien qed jiġi mgħaffeġ bejn żewġ dinjiet: il‑wegħda ta’ Malta moderna u r‑realtà ta’ kolonja li ma tiċċaqlaqx. Il‑mozzjoni storika tal‑”Break with Britain Resolution” kienet l‑ewwel sinjal li l‑paċenzja kienet spiċċat. Meta l‑Ammiraljat ħabbar sensji u dixxiplina fuq min jistrajkja, il‑General Workers Union (GWU) fehmet li l‑ħaddiema kienu se jitħallew bla xogħol, bla drittijiet u bla futur.”
Ikompli jgħid li “minn hemm bdiet il‑mobilizzazzjoni nazzjonali: laqgħat sigrieti fil‑għaqdiet, koordinazzjoni bejn il‑GWU u l‑MLP, tqassim ta’ informazzjoni fid‑djar u strateġija biex il‑protesti jkunu mifruxa u mhux konċentrati. Il‑poplu kien lest. Il‑ħaddiema kienu rrabjati. U Mintoff kien determinat li ma jċedix lill‑Imperu.”
L‑injezzjoni tal‑politika: tifel ta’ disa’ snin fil‑Battalja ta’ Kordin
Nistaqsieh kif dakinhar hu kien tifel ta’ disa’ snin. X’ra? X’ħass?
Għal dan iwieġeb li “niftakarni f’id in‑nannu, ninżel it‑Telgħa ta’ Kordin. Rajt ġebel itir. Rajt żgħażagħ jikkumbattu. Rajt il‑Pulizija ta’ de Gray tħabbat fuq il‑poplu. U hawn irrid ngħidha: dak il‑jum kien l‑injezzjoni tiegħi tal‑politika. Minn dak il‑mument, il‑ġlieda għall‑ġustizzja saret parti minn kull qatra tal‑anatomija tiegħi.”
L-ippjanar strateġiku: l‑armata tal‑poplu
Ma tistax ma tistaqsix kif inħoloq il‑pjan tal‑28 ta’ April?
Għal din id-domanda, Anthony jwieġeb b’mod ċar. “Il‑pjan ma twelidx f’jum. Kien hemm ċelloli lokali mmexxija minn nies bħan‑nannu tiegħi u sħabu: Salvu l‑Ħuta, Matty Grima, Charlie Bugeja, Ġanni Briffa, Ċikku ta’ Ċikka Grech. Kull wieħed kellu rwol: min jimblokka toroq, min jaqta’ Rediffusion, min jiġbor iż‑żgħażagħ, min jorganizza l‑għajnuna. Il‑protesti ma sarux f’post wieħed — kienu mifruxa biex ma jiġrix bħals-sena 1919. U fuq kollox, kien hemm kmandant wieħed: Dom Mintoff. Hu kien il‑moħħ strateġiku, il‑ġeneral li mexxa l‑poplu lejn il‑libertà.”
Il‑ġlieda fit‑toroq: Marsa, Raħal Ġdid, Kordin
U dakinhar tal-istrajk ġenerali, x’ġara?
Anthony DeBono, iddikjara li “l‑ħaddiema ma marrux għax‑xogħol. L‑istrajk kien suċċess mill‑ewwel. Imbagħad ġew iż‑żewġ provokazzjonijiet: il‑projbizzjoni fuq ir‑Rediffusion, l‑intimidazzjoni tax‑xufiera. Minn hemm faqqa’ kollox. Il‑Marsa: assedju ħdejn ir‑rampa, ħbit fuq vetturi militari, ġebel u għajjat.
F’Raħal Ġdid kien hemm il‑vetturi Ingliżi li nqalbu, inħarqu, u l‑poplu ħa kontroll tat‑toroq. F’Kordin kien hemm Battalja. Xejn inqas minn 700 dimostrant kontra l-Pulizija, armata u Commandos. Il‑ġebel itir, il‑charges, il‑vjolenza. U jien, tifel ta’ disa’ snin, nara kollox minn taħt id in‑nannu.”
In‑nisa fil‑ġlieda: il‑forza moħbija
Spiss tingħata l-impressjoni li din kienet qisha xi ġlieda tal-irġiel. Tony il‑ġlieda ma kinitx biss tal‑irġiel. Min kien hemm warajkom?
Tony DeBono jgħidli li “l‑kumitati tan‑nisa 1955–58 kienu kolonna tas‑saħħa. Fosthom kien hemm: in‑nanna tiegħi, Olga, oħt ommi, ommi, Mary ħajjata li żżomm id‑dar għaddejja waqt li n‑nannu kien fuq quddiem. Dawn kienu wkoll suldati tal‑azzar — bla uniformi, imma b’qalb li ma tinkisirx.”
L‑arresti u l‑prezz tal‑ġlieda
Mistoqsia dwar x’ġara wara l-irvellijiet, Tony DeBono jisħaq li “l-arresti bdew mill-għada. Fosthom: Agatha Barbara, Albert Hyzler u Patrick Holland. U n‑nannu tiegħi u sħabu qattgħu magħhom il‑ħabs biex jagħtuhom wens. Il‑pajjiż baqa’ erba’ snin b’kostituzzjoni sospiża. Imma l‑ġlieda ma waqfitx. Mintoff ma ċediex. U lanqas il‑poplu.”
It‑tifsira vera tal‑1958
Dwar dan il-jum ma tistax ma tistaqsiex eżattament x’inhi t-tifsira tiegħu. Hu jum li dwaru hemm ħafna argumenti.
L-Ambaxxatur DeBono għal din il-mistoqsija iwieġeb li “s-sena 1958 kienet il‑ġenesi tal‑Malta moderna. Mingħajr dik il‑ġlieda ma kienx ikun hemm Indipendenza, Repubblika jew Ħelsien. U hawn irrid ngħidha ċara: Mintoff kien il‑kmandant li mexxa l‑poplu lejn il‑libertà. Aħna konna s‑suldati tal‑azzar, imma hu kien il‑Ġeneral kmandant li fetaħ it‑triq.”
U llum?
Illum Malta hija pajjiż li mhux biss kiseb il‑libertà tiegħu, iżda jagħti direzzjoni lil oħrajn. Mexxejja Maltin ippresedew il‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑NU, il‑Commonwealth Ministerial Action Group, l‑OSCE u l‑Kunsill tal‑Ewropa.
Ekonomija b’saħħitha, impjieg sħiħ u ekosistema innovattiva huma frott ta’ ġenerazzjonijiet li qamu, li ħallsu prezz u li emmnu fil‑ġustizzja.
U fosthom kien hemm Romeo Romano u s‑suldati tal‑azzar, u fost dawk li komplew il‑mixja kien hemm ukoll il‑kontribut umli iżda ta’ qalb kbira tiegħek, Anthony — fil‑komunikazzjoni, fil‑governanza u fil‑memorja storika li qatt ma tħalli l‑verità tintilef.


