L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia, nieda l-pubblikazzjoni Sette Giugno: Il-Leħen tal-Poplu waqt ċerimonja li saret fil-Foyer tal-Parlament ta’ Malta, wara d-diskors uffiċjali u t-tqegħid ta’ kuruni mal-monument tas-Sette Giugno fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker saħaq li s-Sette Giugno m’għandux jibqa’ jitqies biss bħala tifkira annwali, iżda bħala kapitlu ħaj fil-kuxjenza nazzjonali; kapitlu li jfakkar fis-sagrifiċċju, fil-kuraġġ u fl-għajta tal-poplu Malti għall-ġustizzja, id-dinjità u rappreżentanza aktar ġusta.
Il-pubblikazzjoni tiġbor fiha d-diskorsi kommemorattivi tas-Sette Giugno bejn l-2013 u l-2025, u sservi bħala xhieda tal-mod kif il-Parlament, sena wara sena, kompla jagħti ġieħ lil dan il-mument kruċjali fl-istorja kostituzzjonali u demokratika ta’ Malta. Hija tfakkar mhux biss fl-erba’ vittmi — Carmelo Abela, Giuseppe Bajada, Manwel Attard u Wenzu Dyer — iżda wkoll fil-poplu Malti li bata, qam u talab li leħnu jinstema’.
Dr Farrugia tenna li l-Parlament għandu d-dmir li mhux biss jilleġisla, iżda wkoll iħares il-memorja storika tal-pajjiż, jagħtiha l-ġieħ li jixirqilha, u jgħaddiha lill-ġenerazzjonijiet futuri bħala wirt ta’ responsabbiltà ċivika u demokratika.
L-Ispeaker temm jgħid li Sette Giugno: Il-Leħen tal-Poplu għandu jservi bħala stedina biex Malta tibqa’ tiftakar li d-demokrazija tagħha ma twelditx mill-kliem biss, iżda minn sagrifiċċji konkreti; u li l-leħen tal-poplu għandu jibqa’ dejjem jinstema’ fil-qalba tal-istituzzjonijiet nazzjonali.


