Il-President Russu Vladimir Putin qal li ma jara l-ebda raġuni għalfejn hu għandu jiltaqa’ mal-President Ukren Volodymyr Zelensky. Dan iddikjarah wara li kien Zelensky stess li talab għal taħditiet wiċċ imb’wiċċ dwar it-tmiem tal-gwerra bejn iż-żewġ nazzjonijiet.
Zelensky bagħat ittra miftuħa nhar il-Ħamis fejn appella għal negozjati diretti ma’ Putin, fejn kiteb li kien “żbaljat li sempliċement wieħed jistenna” li l-gwerra, li bdiet bl-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja tal-Ukrajna fl-2022, terġa’ ssir iċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Istati Uniti.
Putin sejjaħ din l-ittra mibgħutha minn Zelensky bħala “maledukata” u rrifjuta t-talba għal laqgħa, filwaqt li tenna l-pożizzjoni tiegħu li t-taħditiet ta’ paċi għandhom jippreċedu kwalunkwe waqfien mill-ġlied.
Meta kien mistoqsi jekk kienx se jaċċetta l-offerta ta’ Zelensky waqt li kien qed jitkellem fil-forum ekonomiku annwali tar-Russja f’San Pietruburgu, Putin qal li ma jara l-ebda sinjal għalissa.
Wara li sema’ t-tweġiba ta’ Putin, Zelensky qal li r-Russja “kienet qed tagħżel il-gwerra mill-ġdid”.


