Is-saċerdoti u r-reliġjużi Maltin iltaqgħu għall-Aġġornament tal-Kleru 2026 biex jirriflettu fuq il-komunjoni bi preparazzjoni għall-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Pjan Pastorali li tnieda f’Pentekoste. It-tema ntgħażlet fid-dawl tal-isfidi li qed taffaċċja d-djoċesi kif ukoll b’referenza għall-Papa Ljun XIV li spiss isemmi l-valur tal-komunjoni bħala sinjal tal-Knisja: “biex naħdmu dejjem aktar flimkien, speċjalment bejn parroċċi ġirien, billi nqiegħdu flimkien il-kariżmi u l-potenzjalitajiet, nippjanaw flimkien u nevitaw li nikkoinċidu fl-inizjattivi. Hemm bżonn ta’ aktar koordinament li, ’il bogħod milli jkun sempliċi mezz pastorali, irid jesprimi l-komunjoni presbiterali tagħna”.
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, fir-riflessjoni tiegħu dwar l-Aġġornament enfasizza l-komunjoni ma’ Alla u bejn xulxin. Qal, “Aħna s-saċerdoti ninsabu fil-qalba ta’ dan il-misteru. Ma ġejniex ordnati sempliċement biex inwettqu funzjoni, iżda biex inkunu qaddejja u bennejja tal-komunjoni. Kull sagrament li niċċelebraw, kull omelija li nipprietkaw, kull deċiżjoni pastorali li nieħdu hija, fl-aħħar mill-aħħar, immirata biex tiġbor lill-Poplu ta’ Alla f’għaqda miegħu u ma’ xulxin.”
Matul dawn it-tlett ijiem l-Aġġornament iffoka fuq diversi riflessjonijiet ċentrali: il-komunjoni fil-ħajja saċerdotali, il-fraternità, l-isfidi tal-individwaliżmu fis-soċjetà u fil-Knisja, kif ukoll id-dinamika tar-relazzjonijiet fil-komunità. Ġew indirizzati wkoll l-aspetti umani tal-ħajja pastorali bħall-intelliġenza emozzjonali, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, u kif il-Knisja f’Malta tgħix il-komunjoni fil-prattika.
Diversi kelliema offrew riflessjonijiet minn perspettivi differenti. Dun Noel Debono mid-Djoċesi ta’ Għawdex iffoka fuq l-aspett bibliku u spiritwali, fejn ħares lejn il-figura tal-profeta Elija u kif is-saċerdot jista’ jinfetaħ għall-komunjoni, filwaqt li spjega li n-nuqqas tagħha spiss ikun marbut mal-idolatrija. F’kuntest aktar komunitarju, Patri Mark Grima, reliġjuż membru tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), iddiskuta l-fraternità u l-isfidi bejn ir-reliġjużi u s-saċerdoti f’soċjetà dejjem iktar maħkuma mill-individwaliżmu. Dun Joseph Farrugia, saċerdot Għawdxi speċjalizzat fil-psikoloġija u t-teoloġija morali, offra riflessjoni fuq il-biża’ mill-ftuħ għall-oħrajn, il-mentalità ta’ ‘aħna u huma’, u r-relazzjoni tas-saċerdot mal-isqof. Dun Paul Galea, saċerdot u psikologu, offra riflessjoni dwar l-intelliġenza emozzjonali u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti bħala għodod essenzjali għall-ħajja relazzjonali u pastorali.
Fl-Aġġornament saret ukoll taħdita minn panel magħmul minn Dun Bernard Micallef, Patri Charles Mallia O. Carm, Dun Dione Cutajar u Dun Kevin Schembri. Huma ddiskutew l-esperjenza tal-komunjoni fil-prattika u qajmu ċerti mistoqsijiet fosthom: Taħsbu li qed ngħixu l-komunjoni? Kif nippruvaw ngħixuha? X’jista’ jtellef minnha? X’jista’ jgħin? U x’nixtiequ naraw fil-kleru Malti? Wara saret taħdita oħra minn panel magħmul minn Dr Dorianne Buttigieg, Liam Farrugia, Robert Aloisio u Sr Victoria Sant. Id-diskussjoni ffukat fuq il-komunjoni tas-saċerdoti mal-komunità, il-kollaborazzjoni mal-lajċi u d-direzzjoni tal-enfasi pastorali.
Fl-aħħar tal-Aġġornament, is-saċerdoti kellhom ħin ta’ adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija.
L-Aġġornament tal-Kleru ġie organizzat bejn il-25 u s-27 ta’ Mejju 2026 fis-Seminarju tal-Arċisqof, f’Tal-Virtù r-Rabat.


