Sunday, February 23, 2025

L-Istati Uniti issir avversarju tal-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Hekk kif hemm indikazzjonijiet li fi żmien qasir issir laqgħa bejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin, fl-aħħar jiem rajna kif l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħha ixxukkjaw ruħhom meta l-Istati Uniti bla konsultazzjoni mal-Unjoni Ewropea sejħet għal laqgħa mar-Russja biex jibdew taħdidiet li jwasslu għall-paċi fl-Ukrajna. M’hemmx dubju li l-mod kif twarrbet l-Ewropa kienet daqqa ta’ ħarta kbira għall-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. Politika li l-Unjoni Ewropea ilha għal żmien twil issa tipprova timbottaha ‘l quddiem u dan bilgħan li tagħmel impatt fl-qasam internazzjonali.

U f’dan l-isfont imbagħad inħarġet l-aħbar li l-mexxejja Ewropej qed jaħdmu fuq pakkett ta’ għajnuna militari għall-Ukrajna — b’valur ta’ madwar €20 biljun. Dan l-pakkett beda jitfassal hekk kif il-President tal-Istati Uniti Donald Trump tefa’ ħtija fuq Volodymyr Zelenskyy, għall-gwerra fl-Ukrajna.

Dak li seħħ fl-aħħar jiem wera l-falliment tal-Unjoni Ewropea. Falliment li seħħ għax f’dan iż-żmien li ilha għaddejja din il-gwerra, l-Unjoni Ewropea ftit li xejn ħadet inizjattivi biex tinstab il-paċi. Anzi l-Unjoni Ewropea kien aktar moħħha kemm se tagħti armamenti lill-Ukrajna. Azzjoni li tistona bil-kbir mal-pedamenti tal-Unjoni Ewropea, li huma bbażati fuq is-solidarjetà u li ma sseħħ qatt iktar gwerra fl-Ewropa.

Mill-banda l-oħra l-Istati Uniti ta’ Trump issa hija theddida għad-demokrazija fl-Ewropa. Il-President Trump abbanduna għal kollox lill-Ukrajna. Imma mhux hekk biss. Kellna żvilupp ieħor negattiv. Dan hu l-offensiva kontra l-Istat tad-Dritt immexxija mill-Viċi President tiegħu.
L-abbandun tal-Ukrajna favur ir-Russja, id-denunzja tan-NATO, l-offensiva politika kontra l-Istat tad-Dritt u dikjarazzjoni ta’ ‘inkwetat għat-theddida minn ġewwa’, wasslu biex f’temp qasir l-Istati Uniti ġiet stabbilita bħala l-avversarju l-ġdid tal-Ewropa.

Imma waqt li qegħdin naraw lill-Istati Uniti b’Donald Trump u ta’ madwaru jippontifikaw u jippuntaw is-swaba u anke jittantaw jagħtu lezzjonijiet fuq id-demokrazija,, wieħed ma jridx jinsa li proprju ftit ilu l-amminsitrazzjoni ta’ Trump ħafret ‘lfuq minn 1,500 persuna li nstabu ħatja għall-attakk fuq il-Capitol f’Jannar tas-sena 2021. L-attakk ta’ dakinhar ma kien xejn għajr attakk kontra d-demokrazija. Ma’ dan imbagħad wieħed irid iżomm f’moħħu id-dikjarazzjonijiet li kienu qegħdin isiru mill-Istati Uniti fosthom dawk li saru lill-Partit tal-lemin estrem tal-Ġermanja, l-AfD. Ippontifikaw għal libertà tal-kelma, imma jekk tagħsar dak li ntqal u tanalizzah, issib li dak li ntqal qiegħed jimbotta b’mod sottili ħafna l-ideoloġija tal-lemin estrem. Qegħdin naraw ukol kif din il-politika Amerikana se tkun qed tagħfas biex issaħħaħ lil dawk l-aktar b’saħħithom.

Id-dikjarazzjoni tal-Viċi President Vance ma sarux f’kumbinazzjoni. Huma parti minn pjan maħsub. Pjan li qiegħed jippromwovi b’mod ċar ħafna il-populiżmu. Qed jippromwovi partiti Nazionalisti, Dan qiegħed isir b’għan wieħed biss – dak li l-Unjoni Ewropea tkompli tiddgħajjef.

Kien hemm żmien meta l-Unjoni Ewropea setgħet tħares lejn l-Istati Uniti u fih kienet tara mhux biss alleat imma anke protezzjoni.

Illum għandna sitwazzjoji ta’ taħt fuq. Illum l-Istati Uniti m’għadhiex protezzjoni iżda theddida għad-demokrazija fl-Ewropa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport