L-Italja huma ċ-champions Ewropej ta’ taħt id-19-il sena meta għelbu lill-Portugall bl-iskor ta’ 1-0.
Huma ħarġu ferm aggressivi u fetħu l-iskor fid-19-il minuta meta Luis Hasa xeħet cross lejn MICHAEL KAYODE, li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ġewwa, bil-goalkeeper tal-Portugall, Goncalo Ribeiro, żgur li seta’ għamel aħjar.
It-Taljani komplew fuq l-offesiva u fis-37 minuta, Francesco Pio Esposito għadda tajjeb lejn Luis Hasa li kellu l-konklużjoni fil-baxx tiegħu tiġi salvata minn mal-art minn Goncalo Ribeiro.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, huma komplew bl-istess ritmu tal-ewwel waħda u fit-52 minuta, il-player ta’ Monza, Samuele Vignato, bla dubju l-aħjar player tat-Taljani kellu xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa salvat f’żewġ tentattivi minn Ribeiro.
Il-Portugiżi wieġbu għall-ewwel darba sitt minuti wara meta Gustavo Sa kellu xutt minn tarf il-kaxxa li ġie devjat f’corner minn Alessandro Dellavalle, li għal ftit ma kkawżax auto-goal.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-61 minuta Martin Fernandes għola tajjeb fuq id-difiża Taljana iżda ra lill-goalkeeper Taljan, Davide Mastrantonio, isalva bi bravura, biex salva goal ċert.
Dan sabiex ħames minuti wara Gustavo Sa, dejjem għall-Portugiżi, kellu xutt fil-baxx mid-distanza jiġi salvat minn mal-art minn Mastrantonio.
Fis-70 minuta, il-captain tal-Portugall, Hugo Felix, kellu freekick insidjuż li ntemm għoli.
L-Italja wieġbu tmien minuti wara meta Vignato kellu xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali, salvat tajjeb minn Ribeiro.