Il-poplu tal-Iżlanda, b’maġġoranza assoluta qal le għas-sħubija ta pajjiżu fl-Unjoni Ewropea. L-Islanda wriet dan f’referendum li sar fejn il-poplu ġie mistoqsi jekk għandhomx jitkomplew it-taħditiet dwar sħubija mal-Unjoni Ewropea, 13-il sena wara li dawn it-taħditiet kienu twaqqfu.
L-istazzjon tax-xandir pubbliku RUV irrapporta li 52.8% tal-aktar minn 225,000 persuna li vvotaw irrifjutaw il-proposta tal-gvern, filwaqt li 47.2% appoġġjawha. Id-differenza bejn iż-żewġ naħat kienet ta’ madwar 12,600 vot.
Il-gvern taċ-ċentru-xellug tal-Prim Ministru Kristrún Frostadóttir kien wiegħed li jorganizza referendum sal-2027, iżda ressaq id-data ’l quddiem minħabba tensjonijiet internazzjonali, inklużi t-theddidiet tal-President tal-Istati Uniti Donald Trumpli jaħtaf lil Greenland.
Madankollu, id-dibattitu f’dan il-pajjiż gżira b’popolazzjoni ta’ kważi 400,000 ruħ iffoka aktar fuq l-industrija tas-sajd milli fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà.
B’madwar 270,000 persuna eliġibbli biex jivvutaw, ir-RUV irrapporta li r-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 82.5% kienet l-ogħla waħda fi kwalunkwe elezzjoni li saret fl-Islanda mill-2009 ’l hawn.
L-Islanda diġa tifforma parti mis-suq uniku tal-UE u miż-żona Schengen mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri, u sħubija sħiħa fl-UE ddaħħal lill-Islanda fl-unjoni doganali u, eventwalment, fl-unjoni monetarja taż-żona ewro.
L-Islanda bdiet il-proċess biex tissieħeb fl-UE fl-2009, wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-kollass tas-sistema bankarja tal-pajjiż. L-applikazzjoni tagħha kienet diġà avvanzata sew meta gvern ewroxettiku tela’ fil-poter fl-2013 u waqqaf dawk it-taħditiet. Id-drittijiet tas-sajd kienu l-akbar ostaklu għall-adeżjoni tal-Islanda dak iż-żmien, kif għadhom sal-lum.
L-Islanda ġġieldet b’suċċess biex tipproteġi s-sajd tagħha minn sajjieda barranin matul il-Gwerer tal-Merluzz mar-Renju Unit fis-snin sebgħin – ftit wara li kisbet l-indipendenza mid-Danimarka. L-industriji tas-sajd u tal-baħar tal-pajjiż għadhom jirrappreżentaw kważi 40% tal-esportazzjonijiet tiegħu.
Ħafna votanti beżgħu li s-sħubija fl-UE kienet tfisser li jkollhom iċedu xi kontroll taz-żoni tas-sajd profitabbli għall-Islanda billi l-politiki tal-blokk Ewropew jikkontrollaw kemm stat membru jista’ jaqbad ħut.
Waqt konferenza stampa wara nofsinhar tal-Ħadd, il-Prim Ministru Kristrún ddikjarat li l-kwistjoni tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea mhux se terġa’ tiġi diskussa waqt li l-gvern tagħha jkun fil-poter. Madankollu, wieħed mill-ministri tagħha ċaħad li r-riżultat kien ifisser daqqa ta’ ħarta għall-gvern, u rrefera għall-parteċipazzjoni għolja fil-votazzjoni.
Kien hemm diviżjoni ġeografika sinifikanti fil-mod kif ivvotaw in-nies: il-kapitali, Reykjavík, appoġġjat it-taħditiet għas-sħubija fl-UE, filwaqt li ż-żoni rurali kienu aktar kontra tagħhom.
Vot favur ma kienx se jkun deċiżjoni finali dwar is-sħubija fl-UE, iżda pass lejn ftehim ta’ adeżjoni, li mbagħad kien ikollu jiġi approvat permezz ta’ tieni referendum. Bl-istess mod, il-vot kontra ma jeskludix il-possibbiltà li l-Islanda terġa’ tibda n-negozjati f’xi stadju fil-futur.
L-Islanda hija membru fundatur tan-NATO iżda m’għandhiex armata u tiddependi fuq l-alleati tagħha għad-difiża. Li kieku kienet parti mill-UE, dan kien jagħtiha aċċess sħiħ għall-infrastruttura tad-difiża konġunta tal-blokk.
Il-pajjiż appoġġja lill-Ukrajna waqt l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja, u l-awtoritajiet esprimew ukoll tħassib dwar iż-żieda fil-manuvri marittimi tar-Russja qrib il-gżira.
