Monday, December 23, 2024

L-katavru li nstab imqatta’ f’bagalja f’Tas-Sliema hu ta’ Kolombjan

Tibda tinstema l-kumpilazzjoni dwar il-katavru li nstab f'bagalja f'Tas-Sliema

Aqra wkoll

Fil-Qorti ntqal li l-akkużat kien ġie ġie interrogat fit-13 ta’ Diċembru fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. L-interrogazzjoni damet ftit aktar minn sagħtejn. Andres għażel li jwieġeb għall-mistoqsijiet li għamlulu l-Pulizija.

L-Ispettur xehed li Andres ikkonferma li kien hu stess li fit-8 ta’ Diċembru għall-ħabta ta’ nofsinhar kien mar fil-ħanut imsemmi f’San Ġwann u mar hemm permezz ta’ Bolt. Hu ammetta li xtara l-bagala u l-mannara li ntużat biex jitqatta l-karavru. Qal li kien dakinhar stess xi ħin waranofsinhar fejn mar u qatta’ l-katavru, qatagħlu jdejh u saqajh biex ipoġġih fil-bagalja mingħajr ma jagħti fil-għajn. Qal li ma kienx hemm nies oħra involuti, għamel kollox hu.

Dakinhar filgħaxija kien ħareġ il-bagalja, beda miexi direzzjoni Rue D’Argens ma kienx jaf x’se jagħmel biha u eventwalment iddeċieda li jimxi d-direzzjoni n-naħa tax-xatt ta’ Tas-Sliema u hemm tefa l-bagalja l-baħar. Qal li kien diżappuntat ħafna li xħin tefa’ l-bagalja fil-baħar din ma għerqitx.

Ikkonferma li huwa kien naddaf xi ftit l-appartament ta’ Triq l-Iskola, l-Imsida. Mistoqsi dwar il-plastic bags li nstabu fil-pussess tiegħu meta ġie arrestat, ikkonferma li l-kontenut fiż-żewġ basktijiet kienu tal-vittma.

Mistoqsi fuq il-pakkett ħrieqi li nstab fl-appartament tiegħu fl-Imsida kkonferma li l-kamra tas-sodda kienet tiegħu u li dak il-pakkett kien ħadu mill-appartament ta’ fejn kien qed joqgħod u poġġieh hemm.

Ikkonferma wkoll li l-mannara li kienet l-istess waħda li xtara u uża biex iqatta’ l-katavru.

L-ispettur ikkonferma li minn aktar investigazzjonijiet l-vittma hu Raul Eduardo Ray mwieled Cutta, il-Kolumbja.

Aktar kmieni: Il-katavru kien mingħajr ħwejjeġ, kellu jdejh u saqajh maqtugħa barra u dawn kienu fil-bagalja

Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima beda jinstema’ l-każ tal-Kolumbjan mixli li qatta’ katavru, poġġa l-partijiet tiegħu f’bagalja u mbagħad xeħtu fil-baħar. Il-katavru kien instab nhar id-9 ta’ Diċembru li għadda f’Tas-Sliema.

L-imputat, Andres Leonardo Gamboa Duran ta’ 43 sena, jinsab mixli bi promozzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali, pussess aggravat u traffikar ta’ droga, assoċjazzjoni biex tiġi traffikata d-droga, ħasil ta’ flus, li ħeba l-katavru u li pprova jaħbi traċċi ta’ delitt.

L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum kien l-Ispettur Wayne Camilleri, stazzjonat l-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidji. Huwa beda biex qal li nhar id-9 ta’ Diċembru 2024, għall-ħabta ta’ nofsinhar il-pulizija rċeviet rapport li fix-xatt ta’ bejn Tas-Sliema u l-Gżira, viċin l-istabbiliment Aqualuna, kienet għadha kemm instabet bagalja fil-baħar… li eventwalment din il-bagalja nġiebet fuq l-art b’xi nies irrapportaw li fetħuha u setgħu jinnotaw li kien hemm katavru ġo fiha.

Huwa qal li mar minnufih fuq il-post. Il-bagalja kienet ta’ lewn skur. Fuq il-post kien hemm ukoll żewġ minorenni ta’ nazzjonalità Franċiża, li kienu huma li sabu l-bagalja. Dawn kienu fuq il-baħar, fuq paddle boat, u malli raw din il-bagalja u ddeċidew li jeħduha max-xatt.

Fuq il-post kien hemm żewġ persuna oħra wkoll ta’ nazzjonalità barranija… kienu għaddejjin bil-mixi fl-inħawi tax-xatt… raw dawn iż-żewġ minorenni jġorru l-bagalja għenuhom u kienu dawn iż-żewġ persuni adulti li fetħu l-bagalja u rrapportaw lill-pulizija.

Stajna ninnotaw li fuq rota minnhom ta’ din il-bagalja kien għad hemm il-prezz imwaħħal tal-bagalja – €75. L-ewwel struzzjonijiet li ngħataw lill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri kienet li jibdew iduru kull ħanut Tas-Sliema u l-Gżira, li possibilment jbigħu dawn it-tip ta’ bagalji b’din id-ditta partikolari u għandhom l-istess valur.

Ġew analizzati s-CCTVs ta’ stabbilimenti fl-inħawi. Wara l-bagalja ttieħdet il-Kamra Mortwarja u preżenti kien hemm Dr Mario Scerri maħtur fl-inkjesta u membri forensiċi. Infetħet għall-ewwel darba u nħareġ kontenut li kien hemm fiha. Ġie kkonfermat li kien hemm katavru ta’ persuna maskili. Katavru kien mingħajr ħwejjeġ, kellu jdejh u saqajh maqtugħa barra, dawn kienu fil-bagalja. L-unika ħaġa li kien liebes kienet ħarqa.

Fuq waħda minn idejh kellu tpinġija li kienet għadha tidher u oħra f’saqajh. Però f’dan l-istadju l-identità tiegħu ma konniex nafuha. Fl-istess ġurnata, għall-ħabta tas-6.30 p.m., kellu aġġornament minn Surġent li x’aktarx sabu ħanut li x’aktarx il-bagalja nxtrat minn hemm.

Il-ħanut kien f’San Ġwann. Mar minnufih fuq il-post u hemm ġie kkonfermat li kienu qed ibiegħu l-istess ditta ta’ bagalji, bl-istess kulur u l-prezz tagħhom kien ukoll ta’ €75. Meta l-ħaddiema tal-ħanut kienu mistoqsija jiftakrux jekk kinux biegħu bagalji riċenti, ikkonfermaw li kienu biegħu bagalja bħalha eżatt fil-ġurnata ta’ qabel, it-8 ta’ Diċembru, għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Minn filmati tas-CCTVs mill-istess stabbiliment deher persuna maskili jixtri din il-bagalja u magħha xtara mannara mill-istess ħanut u ħallas fi flus kontanti.

“Sirna nafu wkoll li s-suspettat kien ġie b’taxi tal-Bolt, waqaf San Ġwann, mexa lejn dan il-ħanut, xtara u wara reġa’ qabad taxi.”

“Mill-informazzjoni li ngħatajna mill-kumpanija Bolt sirna nafu li min ibbukkja dawn it-taxi kien uża l-isem Andres. Hu dejjem ħallas cash però kellna wkoll numru tal-mobile tas-suspettat u email account tas-suspettat.

“Sirna nafu li s-suspettat kien ibbukja t-taxi minn qabel biex imur għal San Ġwann minn ġewwa Triq Victor Denaro l-Imsida u reġa’ mar lura fl-inħawi ta’ dik it-triq. Għalina dan kien ta’ interess li x’aktarx kien joqgħod hemm,” kompla jgħid l-Ispettur Camilleri.

Huwa sostna li l-awtopsja fuq il-katavru saret fl-10 ta’ Diċembru fejn sar magħruf li fl-istonku tiegħu kellu kapsoli bid-droga. Mill-istonku kellu mal-102 kapsoli.
Mill-email address tas-suspett, wasalna għal żewġ indirizzi ta’ interess għall-Pulizija.

Bħala investigazzjoni min-numru tal-mobile tas-suspettat tlabna li ssir engineering data, u bis-saħħa ta’ dan sirna nafu eżatt u bdejna naqblu mal-filmati tas-CCTVs dwar il-movimenti tas-suspettat.

Inħareġ mandat ta’ arrest u fit-12 ta’ Diċembru ta’ din is-sena. Għall-ħabta tal-10.20 a.m., Andres intlemaħ ħiereġ mill-blokka ta’ appartamenti u ġie arrestat fl-istess triq fl-Imsida. Ingħata d-drittijiet tiegħu.

Is-suspettat kien qed iġorr żewġ plastic bags, f’waħda minnhom kellu xi oġġetti. Fl-oħra kien hemm diversi dokumenti mqattgħin, wieħed minnhom passaport u xi credit cards. Dawn kienu kollha shreddjati.

Fuq il-persuna tiegħu wkoll kellu mobile phone li għaddejnieh lill-espert tal-Qorti u mazz ċwievet.

Il-Pulizija bdiet bit-tfittxijiet fl-ewwel appartament fl-Imsida. Hemm instabet persuna oħra ta’ nazzjonalità Portugiża li ġie arrestat fuq il-post. Dan kien ġie investigat u mressaq il-Qorti mit-Taqsima tad-Drogi.

Fuq cabinet f’dan l-appartament kien hemm affarijiet relatati mad-droga fosthom miżien u borża li kienet kienet mimlija sustanza bajda f’forma ta’ kapsoli. Mill-istess appartament f’waħda mill-kmamar tas-sodda nstabu diversi ħwejjeġ li jaqblu ma’ dawk li kien liebes l-imputat fuq is-CCTVs.

F’din il-kamra nstab ukoll pakkett ħrieqi li kulma kien hemm nieqsa kienet waħda biss. Indunajna li d-ditta tagħhom kienet taqbel mal-istess ditta li kienet taqbel ma’ dak li kellu l-vittma.

It-tieni appartament, li jinsab fi Triq l-Iskola l-Imsida, infetaħ ukoll minn waħda miċ-ċwievet li kellu fuqu l-imputat. Ma jidher li kien hemm ħadd f’dan il-post u deher li kien pjuttost nadif, possibilment kien maħsul riċenti.

Fil-kmamar tas-sodda ma kienx hemm lożor, saqqu biss. It-tim forensiku f’waħda mill-cabinets li kien hemm f’kamra tal-banju sabu mannara mgeżwra f’biċċa plastic blue. Il-mannara kienet taqbel eżatt ma’ dik li rajna fis-CCTVs u kien qed ibigħ l-istess ħanut. Din għall-investigaturi kienet importanti li possibilment f’dan l-appartament kien seħħ xi ħaġa.

Mill-istess appartament instabu żewġ għadmiet żgħar ħafna fuq il-post u f’kamra tal-banju minnhom, fl-area ta’ fejn ikun hemm id-drain, kien hemm possibilment xi dmija, li ttieħdu kampjuni u ngħataw lill-esperti.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport