Thursday, March 28, 2024

“Ladarba kunjom ommha mhux indikat fuq iċ-ċertifikat tat-twelid hi għalihom qisha mhi bint ħadd”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tfajla ta’ 24 sena, li twieldet f’Tajoura fil-Libja, li l-isem proprju tagħha hu Mariam Zawia, spjegat fil-Qorti bid-dmugħ f’għajnejha li l-kunjom ‘Zawia’ kien qed joħloqilha ‘uġigħ’ u ‘dwejjaq’. Hi talbet lill-Qorti li hi tiġi rikonoxxuta fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha, bl-isem ta’ Maria Abela flok dak indikat fuq iċ-ċertifikat tat-twelid Mariem Al Saied Zawia. Hi sostniet li żball fit-traduzzjoni taċ-ċertifikat tat-twelid esteru tagħha kif ukoll għax hija ilha magħrufa b’dan l-isem u l-kunjom sa minn meta kienet ta’ età żgħira. Il-Qorti laqgħet din it-talba u dan anke għax hu fl-interess pubbliku li  jiġi evitat ir-riskju ta’ possibilità ta’ identità doppja. 

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li semgħet lil omm it-tfajla  tixhed li bintha sa minn dejjem kienet magħrufa bl-isem ta’ Maria Abela anki fl-età li hi kienet l-iskola. Tgħid li kien biss wara li saret taf li isem bintha kien indikat b’mod differenti fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha partikolarment li isem missierha kien miżjud mal-ewwel isem. Tixhed ukoll li bintha qed tbati konsegwenza ta’ din is-sitwazzjoni. 

Min-naħa tagħha it-tfajla xehdet li s-sitwazzjoni fejn hija magħrufa b’isem u kunjom partikolari iżda fuq iċ-ċertifikat tat-twelid hemm indikati ismijiet u kunjom differenti u dan qed jikkawżalha bosta dwejjaq. 

Il-Qorti qalet li it-tfajla xehdet quddiem din il-Qorti bid-dmugħ f’għajnejha u dehret ġenwinament iddispjaċuta u mweġġa’ ferm b’dak li hija għaddejja minnu. Tgħid li saħansitra kienet inħarġitilha karta tal-identità bil-kunjom Abela wara l-kunhom Zawia (li jiġi kunjom missierha) iżda wara bdew jibagħtu għaliha sabiex tbiddilha għax qalulha li kien sar żball. Ingħad kliem lilha wkoll fis-sens li ladarba kunjom ommha mhux indikat fuq iċ-ċeritfikat tat-twelid hi għalihom qisha ma hi bint ħadd. 

Intqal li l-Qorti rat mill-atti li t-tfajla tul ħajjitha kisbet diversi dokumenti li lkoll jirrikonoxxuha bħala Maria Abela. Rat ukoll li fis-sentenza ta’ separazzjoni personali bejn ommha u missierha, fejn it-tfajla dak iż-żmien minuri sar referenza għaliha bħala Maryanne. Dan jevidenzja wkoll sitwazzjoni preżenti fejn teżisti bosta konfużjoni fuq l-isem it-tfajla.

Il-Qorti rat li t-tfajla hi magħrufa konsistentement fil-pubbliku bil-kunjom Abela biss u mhux ukoll bil-kunjom Zawia qablu. Il-Qorti għalhekk tqis li sabiex ma jkunx hemm possibiltajiet ta’ identità doppja, u dan hu fl-aħjar interess tal-pubbliku inġenerali li t-tfajla  jkollha l-kunjom li hija magħrufa pubblikament bih u għax hu ċar lill-Qorti li l-eżistenza tal-kunjom Zawia qed ikun sors ta’ dwejjaq u uġigħ għat-tfajla li għadha ta’ età’ żgħira u għalhekk hu wkoll fl-aħjar interess tagħha li din it-talba tiġi milqugħa. Il-Qorti ordnat li kunjom it-tfajla fl-Att ta’ Twelid tagħha jiġi ndikat bħala ‘Abela’ u l-ebda kunjom ieħor. 

Il-Qorti qalet li din il-fakultà li ulied jieħdu kunjom wieħed minn tal-ġenituri tagħhom u dan billi jieħdu dak li għażlu huma, jekk id-deċiżjoni ma ttiħditx għalihom qabel, m’għandhiex tkun diskriminatorja favur persuni mweldin f’Malta biss.

Ekonomija

Sport