Sunday, December 29, 2024

Laqgħa bilaterali bejn il-Ministru Ian Borg u l-Ministru Wang Yi taċ-Ċina

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, waqt iż-żjara tiegħu f’Beijing, kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina, Wang Yi.

Matul din il-laqgħa bilaterali, iż-żewġ ministri tkellmu dwar ir-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom li ż-żewġ pajjiżi għandhom u li jmorru lura numru ta’ snin. Ilkoll irrikonoxxew il-bżonn u r-rieda li ż-żewġ naħat ikomplu jsibu l-mod kif bl-isfidi internazzjonali kurrenti jkomplu jtejbu dawn ir-relazzjonijiet bil-għan li ż-żewġ popli jkomplu jibbenefikaw.

Il-Ministru Borg irringrazzja lill-Ministru Wang Yi li flimkien mal-Konsulent dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti, fl-aħħar ġimgħat, għażlu lil Malta bħala l-post naturali tagħhom biex ikomplu d-diskussjonijiet strateġiċi tagħhom.

Huma tkellmu fid-dettall dwar ir-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina u anke rigward il-kooperazzjoni li tista’ ssir bejn iż-żewġ pajjiżi fuq bażi multilaterali, primarjament fuq livell ta’ Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, hekk kif Malta qed isservi t-terminu tagħha bħala membru elett fuq dan l-istess kunsill.

Fl-ewwel jum ta’ ħidma fiċ-Ċina, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti kellu l-opportunità wkoll li jinawgura x-xogħol ta’ manutenzjoni li sar fuq il-binja tal-Ambaxxata ta’ Malta għaċ-Ċina f’Beijing. F’din l-okkażjoni, il-Ministru Borg qal li l-Gvern Malti qed ikompli jinvesti sabiex jara li l-infrastruttura tal-ambaxxati barra minn xtutna tkompli tissaħħaħ bil-għan li jkun provdut spazju adekwat biex issir il-ħidma diplomatika u konsulari ta’ Malta filwaqt li jkun provdut post adekwat biex ikun jista’ jinqeda l-poplu Malti li jkun f’dan il-pajjiż. Huwa rringrazzja lill-Ambaxxatur John Busuttil u lit-tim Malti tax-xogħol importanti li qed jagħmlu.

Il-Ministru Ian Borg kellu laqgħa wkoll mal-Viċi Ministru tal-Partit Komunista Ċiniż Wang Lingiun.

Ekonomija

Sport