Monday, May 13, 2024

Lejn strateġija nazzjonali tal-edukazzjoni għas-sitt snin li ġejjin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern se jniedi fix-xhur li ġejjin konsultazzjoni bil-għan li tinbena strateġija ġdida tal-edukazzjoni għas-sitt snin li ġejjin, jiġifieri bejn l-2024 u l-2030. Fil-fatt, illum saret konferenza dwar is-suġġett qabel ma titnieda konsultazzjoni pubblika wiesgħa.

L-istrateġija se tkun tirrifletti l-isfidi u l-ħtiġijiet tal-istudenti imma anke tas-soċjetà inġenerali. Fl-istess waqt, se tkun mibnija fuq ir-rispons miġbur mill-partijiet interessati kollha u se tiffoka fuq tliet pilastri ewlenin li huma l-benesseri, il-kisbiet u l-ħiliet u l-inklużjoni. Mir-rispons li kien hemm sa issa, jidher li kien hemm qbil li dawn il-pilastri m’għandhomx jinbidlu.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima saħaq li l-Gvern ħass li qabel ma jmur għall-konsultazzjoni pubblika, jitkellem, jiddiskuti u jassigura li d-dokument finali ikollu dawk l-elementi fih li jagħmlu d-differenza.

Huwa qal li s-sistema edukattiva trid tassigura li l-istudenti jkunu fiċ-ċentru tagħha. Però, irid ikun żgurat li l-edukatur ikollu l-għodda kollha meħtieġa sabiex f’dan il-perkors edukattiv, l-istudenti jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom.

“Dan ifisser li rridu nagħrfu li kull tifel u tifla għandhom potenzjal differenti però ġejjin minn realtajiet differenti. F’dan is-setur ma nistgħux infallu u m’għandniex il-lussu li nieħdu żball. Għandna f’idejna ċ-ċwievet tal-ħolm tat-tfal tagħna,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni.

Huwa qal li rridu nifhmu l-importanza u allura r-responsabbiltà li flimkien niksbu riżultati importanti sabiex fil-perkors edukattiv. “Importanti li fl-istrateġija nħarsu lejn diversi aspetti li jinkludu fost oħrajn l-‘early school leavers’ fejn irridu nirrikonoxxu li saru avvanzi però nafu li nistgħu niksbu ħafna aktar jekk naħdmu flimkien,” tenna l-Ministru Grima.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Matthew Vella spjega li d-dokument li rridu naslu għalih fix-xhur li ġejjin irid ikun wieħed li jħares lejn il-viżjoni li għandu l-Gvern f’dan is-settur għas-snin li ġejjin. Qal li l-“l-2030 qiegħed wara l-bieb u rridu nibdew nippjanaw minn issa. Irridu naħdmu ma’ stakeholders oħra biex fit-trasformazzjoni li qed nagħmlu nħallu impatt dirett għall-2050.”

Sport