Saturday, December 21, 2024

Ma jinstabux ħatja li kkaġunaw l-mewt ta’ pazjent li kien qed jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli

Aqra wkoll

Żewġ infermieri ma nstabux ħatja li bi traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ pazjent li kien qed jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli u li wara li tawh numru ta’ fits ittieħed fl-Isptar Mater Dei fejn dan tilef ħajtu.

Iż-żewġ infermieri, waħda ta’ 71 sena u ieħor ta’ 30 sena mill-Filippini, kienu mixlijin li f’Marzu ta’ sitt snin ilu bi traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ pazjent

Fil-Qorti, ingħad li l-investigazzjoni tal-Pulizija bdiet wara li l-Pulizija stess kienu rċivew rapport mill-Isptar Mater Dei li kellhom pazjent li ddaħħal minn Monte Kalrmeli u li tilef ħajtu ftit tal-ħin wara li wasal l-Isptar.

Iż-żewġ akkużati kienu fost erba’ infermieri li matul il-lejl kienu għassa ma’ Attard u tressqu fil-Qorti fid-dawl ta’ inkjesta maġisterjali li saret b’rabta mal-każ.

Il-Maġistrat Simone Grech semgħet ix-xhieda ta’ diversi persuni li dakinhar li seħħ il-każ kienu xoħol fl-Isptar Monte Karmeli. Il-Maġistrat Grech innutat li s-sala fejn kien il-pazjent kienet qed topera b’nuqqas ta’ staff u li din is-sitwazzjoni ħolqot diffikultajiet lill-istaff preżenti biex ilaħħqu mad-doveri tagħhom.

Minn filmati li ttieħdu mill-kameras tas-sigurtà, irriżulta li l-pazjent sofra minn numru ta’ fits fil-ħin li kien qed jiġi eżaminat minn waħda mill-infermiera. Il-Qorti nnutat li l-Prosekuzzjoni naqset milli tippprovdi evidenza dwar jekk kienx hemm rabta bejn dawn il-fits tal-pazjent u mewtu.

Il-Maġistrat Grech qalet li kienet responsabbilta ta’ min kien qed jissorveljah li jgħinu madankollu il-fatt innifsu li sofra minn fits ma jfissirx li kienu huma li waslu għall-mewt u għalhekk ma sabitx lill-akkużata ħatja.

Dwar infermier ieħor, il-Maġistrat Grech qalet li għalkemm dakinhar kien qed jissorvelja lill-pazjent fuq il-monitors ma ġiex ippruvat li huwa kien responsabbli minn dan ix-xogħol fil-ħin li l-pazjent bdew ituh l-fits.

Minħabba dawn ir-raġunijiet, iż-żewġ infermieri ġew illiberati mill-akkużi miġjubin kontrihom.

Ekonomija

Sport