Tuesday, May 14, 2024

Malta b’sehem attiv fil-kampanja internazzjonali tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar uman

Aqra wkoll

Għat-tielet sena konsekuttiva, Malta ngħaqdet mal-kumplament tad-dinja għall-kampanja kontra t-traffikar tal-umani. Matul il-jum tal-Erbgħa kienet organizzata konferenza għolja li ġabret madwar il-mejda entitajiet governattivi, is-soċjetà ċivili, rappreżentanti tal-Korp Diplomatiku u sindki minn lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. L-għan tad-diskussjonijiet kien li jkun hawn aktar għarfien dwar l-isfida tat-traffikar uman bil-għan li jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-entitajiet rispettivi.

It-tema magħżula mill-Ġnus Magħquda għall-kampanja ta’ din is-sena hija “Use and Abuse of Technology” u tirrifletti l-andament preżenti hekk kif ir-riċerka qed turi kif it-teknoloġija qed twassal għal aktar sfruttament tal-bnedmin għal skopijiet ta’ traffikar. Għaldaqstant, il-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija strumentali sabiex il-ġlieda kontra t-traffikar uman tkun aktar effettiva u toffri aktar protezzjoni lill-vittmi.  

Fid-diskors tagħha s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg spjegat l-impenn tal-gvern li jkompli jiġġieled it-traffikar tal-bnedmin. “Huwa fatt magħruf li l-kriminali ħadu vantaġġ mill-avvanz teknoloġiku billi għamluha aktar diffiċli biex l-investigaturi jintraċċawhom. Iżda fl-istess waqt, it-teknoloġija toffrielna għodda importanti biex bħala gvernijiet nikkordinaw aħjar u naġixxu b’mod iktar effiċjenti. Malta huwa wieħed minn dawk il-pajjiżi impenjati biex jostakolaw il-pjanijiet tat-traffikanti u jassiguraw li ssir ġustizzja mal-vittmi ta’ dan il-fenomenu globali”, qalet is-segretarju parlamentari.

Id-Direttur tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem is-Sur Michael Camilleri saħaq li permezz ta’ kuntatt kontinwu mal-uffiċjali relevanti li għandhom irwol importanti f’dan il-qasam qed tkompli tissaħħaħ il-kordinazzjoni fi ħdan entitajiet governattivi  biex b’hekk jiġi assigurat li qed jitħarsu d-drittijiet u d-dinjità tal-bnedmin. “Ninsab ottimist li jekk ningħaqdu flimkien, kemm l-entitajiet pubbliċi kif ukoll is-settur privat, biex niġġieldu t-traffikar tal-umani u nwaqqfu lit-traffikanti milli jipprofittaw  minn persuni vulnerabbli, se nkunu qed nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid kemm għal dawk li sfaw vittmi kif ukoll għas-soċjetà inġenerali”, qal is-Sur Camilleri.

Sport