Pjan mifrux fuq tliet leġiżlaturi fejn kull mezz ta’ trasport f’pajjiżna se jiġi jaħdem flimkien u għal xulxin
Rapid Transit System… il-pern li minnu se jiġi distribwit l-ivvjaġġar tal-massa fil-pajjiż
“Qed nippreżentaw pjan li huwa serju. Pjan maħdum fuq xhur ta’ riċerka minn nies li għandhom esperjenza internazzjonali u li bnew suċċess fuq riżultati konkreti barra minn Malta. U għax serju, dan il-pjan se jkun onest. Illum qegħdin nippreżentaw l-akbar proġett ta’ trasport u infrastruttura li qatt ra pajjiżna. Irridu nispjegaw kif għandu jaħdem u nagħmluh kredibbli biżżejjed biex kulħadd iħossu parti minnu. Dan il-pjan mhux għalina biss, imma għalina, għal uliedna u għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

Iddikjara dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett meta ppreżenta pjan nazzjonali integrat għall-futur tat-trasport ta’ pajjiżna – Malta in Motion. Pjan li se jkun mifrux fuq tliet leġiżlaturi fejn kull mezz ta’ trasport f’pajjiżna se jiġi jaħdem flimkien u għal xulxin.
Il-Ministru Bonett stqarr li din hi viżjoni ta’ 15-il sena fejn it-trasport tal-massa ma jibqax jiddependi fuq mezz wieħed iżda fuq sistema kordinata ta’ diversi mezzi li jaħdmu flimkien. Sistema li tagħti għażliet differenti ta’ vjaġġar għal pajjiż b’ekonomija dejjem tikber u li teħtieġ twassal lin-nies, lill-ħaddiema u l-merkanija fl-iqsar ħin possibbli.
Huwa qal li l-kunċett ta’ Malta in Motion huwa evoluzzjoni tal-pjan tal-Malta Metro, liema pjan kienu tgħallmu ħafna minnu anke bil-konsultazzjoni u r-rapporti li ġew warajh. Qal li l-pjan li qed iressqu ’l quddiem jinkorpora fih il-karozzi tal-linja, il-karozzi, il-parkeġġi, il-mixi u r-roti, ir-rapid transit system kif ukoll it-trasport bil-baħar.
“Pjan li dawn kollha jiġu integrati biex jaħdmu flimkien,” qal il-Ministru Bonett li semma wkoll kif dan il-pjan diġà beda jitwettaq permezz ta’ Reshaping Our Mobility fejn kienu żdiedu r-rotot tal-linja, infetħu numru ta’ park and rides filwaqt li b’dan il-pjan, it-trasport pubbliku bi-baħar se jkollu pjan ċentrali.
“Diġà għandna ferries bejn Tas-Sliema u l-Belt, bejn il-Belt u Bormla, il-Gozo Channel u l-fast ferry bejn il-Belt u Għawdex. F’Mejju li ġej se jibda s-servizz tal-fast ferry minn Tas-Sliema għal Buġibba għal Għawdex. Imbagħad ikun fadlilna servizz ieħor dak bejn Wied il-Għajn u l-Belt li għandu jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena u l-bidu tas-sena 2027,” qal il-Ministru Bonett.
Dwar ir-Rapid Transit System, jew light rail, il-Ministru fisser li dan se jkun il-backbone ta’ dan il-pjan. Qal li qed ikun propost il-bini ta’ rail li se tgħaqqad in-naħa ta’ fuq u n-naħa t’isfel ta’ Malta li fost l-istazzjonijiet li se jkollha se jkun hemm l-ajruport, l-Isptar Mater Dei u l-Università, il-Belt Valletta u Ħal Qormi. Din se tkun il-La Valette line.
“Din se tkun il-pern li minnu se jiġi distribwit l-ivvjaġġar tal-massa fil-pajjiż. Kollox irid jingħaqad flimkien biex iwassal lin-nies lejn din il-linja. Parkeġġi adegwati għall-vetturi fl-istazzjonijiet, b’sistema ta’ primary bus network li jkun veloċi mill-istazzjonijiet tal-La Valette line u jgħaddi mit-toroq arterjali minn kull stazzjon imbagħad iwassal lin-nies fl-irħula prinċipali tal-pajjiż u feeder bus network li twassal lin-nies fit-toroq residenzjali tagħhom b’karozzi tal-linja iżgħar.
“Dan għandu jwassal għal aktar spazju fit-toroq tagħna u b’hekk nistgħu nżidu l-ispazju għall-mixi u r-roti li se jagħmlu parti minn strateġija li se tiġi implimentata fis-sentejn li ġej. Kif ukoll se nniedu l-ewwel strateġija nazzjonali għall-parkeġġ f’Malta u Għawdex,” kompla jħabbar il-Ministru Bonett.
Huwa tenna jgħid li jinsab konvint minn dan il-pjan. “Ninsab fiduċjuż li min hu ta’ rieda tajba se jiġi onboard magħna. Issa rridu nisimgħu lin-nies. Dan il-pjan ikun suċċess jekk in-nies jużaw in-network.
“Dan huwa pjan fuq tliet leġiżlaturi. Pajjiżna għandu bżonn li tittieħed azzjoni fuq is-sistema tat-trasport kollu ta’ pajjiżna. Din għalija mhix kwistjoni politika iżda li nżommu l-wegħda li qed nagħmlu mat-tfal tagħna,” qal il-Ministru filwaqt li enfasizza li qed iħarsu lejn trasport modern li huwa wkoll il-pilastru ewlieni tal-Viżjoni Malta 2050.
Il-pjan se jkun qed isir b’koordinazzjoni bejn il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Transport Malta, l-ARUP u Mizzi Studio.


