Saturday, December 21, 2024

Malta tisħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni internazzjonali

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Malti, fid-diskors tiegħu fil-Ġeneral Assembla tal-Ġnus Magħquda, irnexxielu jagħti viżjoni b’saħħitha u pożittiva għall-futur, mhux biss ta’ Malta iżda għad-dinja kollha. Għamel dan billi saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni internazzjonali u l-ħtieġa li l-mexxejja madwar id-dinja jieħdu r-responsabbiltà għall-isfidi kbar li qed niffaċċjaw illum, speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, il-bidla fil-klima, u inugwaljanzi soċjali.

Il-messaġġ tal-Prim Ministru kien ċar: għalkemm Malta hija pajjiż żgħir, l-impenn tagħha favur il-paċi, is-sigurtà, u l-ugwaljanza huwa daqs ta’ pajjiżi kbar. Bil-pożizzjoni ġeografika unika tagħha, f’nofs il-Mediterran, u bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha rwol kruċjali biex taħdem bħala intermedjatur onest bejn reġjuni differenti li ghandhom karatteristici differenti. Dan juri kemm Malta hija kapaċi twettaq rwol attiv u sinifikanti f’organizzazzjonijiet bħall-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u l-OSCE.

L-enfasi fuq ir-rwol ta’ Malta bħala intermedjatur onest kienet ċentrali fid-diskors tiegħu, speċjalment fl-isforzi tal-pajjiż biex jgħin fit-tfassil u t-twettiq ta’ riżoluzzjonijiet li jiffokaw fuq il-paċi u s-sigurtà globali. Il-Prim Ministru semma l-kontribut ta’ Malta fir-riżoluzzjonijiet li taw prijorità lir-rilaxx ta’ ostaġġi u l-ħolqien ta’ passi umanitarji fil-kunflitt Iżrael-Gaza, kif ukoll l-isforzi biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema għall-kriżi f’Libja, pajjiż ġar ta’ Malta.

Aktar minn hekk, il-Prim Ministru enfasizza l-impenn tal-gvern favur l-ugwaljanza, mhux biss f’Malta iżda fuq livell globali. L-istrateġija kontra r-razziżmu u l-inizjattivi biex isaħħaħ id-drittijiet tan-nisa kienu sinjal qawwi ta’ kif Malta qed tmexxi b’mod proattiv lejn soċjetà aktar ġusta u ekwa.

Fuq l-aspett ambjentali, Malta mhux biss tħares lejn l-oċeani tagħha bhala pregju, iżda wkoll bħala responsabbiltà li għandha tiġi protetta. Il-progett ‘Shore to Ship’ li jnaqqas il-polluzzjoni mill-vapuri kien sempliċement wieħed mill-inizjattivi li juru l-impenn tal-gvern Malti biex jindirizza l-bidla fil-klima.

B’dan id-diskors, il-Prim Ministru poġġa lil Malta fuq il-mappa globali b’mod qawwi u pożittiv, u pprovda viżjoni fejn il-pajjiżi kollha jistgħu jaħdmu flimkien għal futur aħjar, fejn il-paċi u l-ġustizzja jistgħu jirbħu fuq il-kunflitt u l-inugwaljanzi.

Ekonomija

Sport