Wednesday, February 12, 2025

Malta u l-Kanada jaqsmu l-esperjenzi  dwar il-mixja tagħhom fil-qasam tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili

Aqra wkoll

Malta u l-Kanada, li għandhom valuri komuni u identiċi fil-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u huma kunsidrati fuq quddiem nett fil-qasam tad-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTIQ+, qassmu l-esperjenzi tal-mixja tagħhom favur l-inklużjoni soċjali biex ħadd fis-soċjetà ma jaqa’ lura hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru.

F’roundtable organizzata mill-Kummissjoni Għolja tal-Kanada għal Malta biex tfakkar is-sittin sena ta’ sħubija bejn iż-żewġ pajjiżi, u li fiha ħadu sehem, fost l-oħrajn, għaqdiet tas-soċjetà ċivili, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg qalet li kemm Malta kif ukoll il-Kanada għamlu passi leġiżlattivi kbar li ppermettew lill-komunitajiet LGBTIQ+ jikseb kisbiet importanti fil-qasam tad-drittijiet ċivili u l-inklużjoni, u b’hekk taw l-ugwaljanza dovuta.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li Malta u l-Kanada għandhom esperjenzi pożittivi anke fil-klassifika internazzjonali għalkemm saħqet li ż-żewġ pajjiżi jridu jkomplu jaħdmu biex ibiddlu l-attitudnijiet u normi soċjali li jmorru lil hinn min dak li jipprovdi l-qafas leġiżlattiv.

Hija qalet li Malta u l-Kanada għandhom sfidi komuni anke f’dan il-qasam għaliex iż-żewġ pajjiżi huma multi-kulturali u multi-etniċi b’uħud fis-soċjetà li għadhom iħaddnu l-preġudizzji kontra d-diversità u l-inklużjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg żiedet tgħid li fl-aħħar disa’ snin, Malta mhux biss ikklassifikat fl-ewwel post tal-indiċi Ewropew dwar l-ugwaljanza iżda wkoll kisbet marki tajbin fi studju Ewropew b’diversi indikaturi li jikkonfermaw aċċettazzjoni akbar minn qatt qabel u tnaqqis fid-diskriminazzjoni ma’ persuni LGBTIQ+.

Ir-roundtable ġiet indirizzata wkoll mill-Kummissarju Għoli tal-Kanada għal Malta Elissa Golberg fejn tenniet l-importanza li ż-żewġ pajjiżi jkomplu jsaħħu din ir-relazzjoni u jaħdmu flimkien favur oqsma bħal m’huma LGBTIQ+ u d-drittijiet tal-mara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport