Marokkin ta’ 37 sena, inġieb Malta minn Spanja biex ikun jista’ jitressaq il-Qorti dwar każ ta’ vjolenza domestika. Kien f’Jannar tas-sena li għaddiet meta s-sieħeb tiegħu għamlet rapport li kienet ġiet mhedda mill-Marokkin u anke beżżaha li se tintuża l-vjolenza fuqha. Hu kien akkużat ukoll li kkaġunalha ġrieġi ta’ natura ħafifa.
L-Ispettur Christian Cauchi li mexxa l-Prosekuzzjoni qal quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li l-mara kienet għamlet rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika. Hi kienet qalet li hu kien pussessiv u li kien jindirizzha bi kliem dispreġjattiv.
Meta ġiet biex tixhed, il-mara qalet li hi għadha f’relazzjoni mal-akkużat u tixtieq li twaqqa’ l-każ biex ma jkunx hemm proċeduri kontrih. Xehdet li kienet għamlet ir-rapport għax kienet tgħir ħafna għalih u li anke tieħu l-mediċina għal problemi posikoloġiċi.
Filwaqt li l-Marokkin wieġeb mhux ħati, il-Qorti waqqfet il-proċeduri kontrih wara li semgħet ix-xhieda tal-mara.
Min-naħa tagħha l-Maġistrat Galea qalet lill-mara li kienet qed twaqqaf il-proċeduri fuq ix-xewqa tagħha u li ma tistax toffrilha l-ebda protezzjoni. Il-Qorti qalet li bir-rapport li għamlet inħlew ħafna riżorsi, flus u ħafna xogħol.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat. L-Avukata Yanika Barbara Santa dehret parte civile bħala Avukat tal-Għajnuna Legali.