Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla u t-tim ta’ Project Green żaru s-sit fejn għaddej xogħol fuq proġett f’Bormla — park innovattiv u inklussiv li se jservi bħala spazju miftuħ ġdid għall-komunità.
Dan il-proġett, li jkopri medda ta’ 53,000 metru kwadru b’investiment ta’ aktar minn €1.6 miljun, se joffri firxa ta’ faċilitajiet li jindirizzaw l-interessi ta’ kull età. Fost l-elementi ewlenin se jkun hemm network għall-mountain biking adattati għal livelli differenti, żoni ddedikati għall-pets, u spazji għal-logħob ta’ tfal li jintegraw elementi ambjentali.
Il-proġett jinkludi wkoll tħawwil ta’ 64 siġra ġdida u 173 arbuxxell, li se jkomplu jsaħħu l-aspett ekoloġiku ta’ din l-inizjattiva u jtejbu l-kwalità tal-arja u tal-ambjent urban f’din il-lokalità.
“Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif irridu nibdlu l-mod kif naħsbu dwar l-ispazji miftuħa. F’Bormla qed noħolqu spazju li jġib lin-natura eqreb tal-komunità, li jinkoraġġixxi stil ta’ ħajja aktar attiv u li joffri opportunitajiet għall-familji, tfal u żgħażagħ biex iqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien. Eżempju ieħor ta’ kif qed nagħmlu l-viżjoni tagħna realtà. Din viżjoni ta’ kif il-lokalitajiet tagħna jistgħu jkunu aktar sostenibbli, aktar ħajjin u aktar inklussivi, u li jħallu impatt dirett u pożittiv fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza kif il-Fondi Ewropej qed jintużaw biex jinħolqu spazji ta’ kwalità li jservu lill-komunitajiet lokali, filwaqt li jtejbu l-ambjent b’mod sostenibbli. Huwa spjega li l-proġett tal-Masġar Bormla jirrappreżenta investiment ta’ aktar minn €1.6 miljun li qed jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-bijodiversità ta’ Malta. Dan il-proġett huwa parti minn inizjattiva usa’ li tkopri 10 siti madwar il-pajjiż, b’investiment li jaqbeż it-€13-il miljun mill-Fondi Ewropej.
Is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius laqa’ dan il-proġett bħala pass importanti biex il-lokalità tkompli tikseb spazji miftuħa moderni u aċċessibbli għal kulħadd, u żied li huwa grazzi għal dan il-Gvern li dejjem ħaseb fin-naħa t’isfel ta’ Malta li f’Bormla issa hawn aktar spazji miftuħa.

