Wednesday, May 20, 2026

RIŻULTAT POŻITTIV IEĦOR GĦAL PAJJIŻNA

Aqra wkoll

L-importanza li pajjiżna jingħata rating b’outlook stabbli hija kbira ħafna għall-ekonomija u għall-fiduċja ta’ pajjiżna. Meta aġenziji internazzjonali jagħtu outlook stabbli, ikun sinjal li l-ekonomija tal-pajjiż qed titqies bħala waħda soda u kapaċi tiffaċċja sfidi ekonomiċi mingħajr riskji kbar. F’dan il-kuntest, ma nistgħux ma nagħmlux referenza għall-aħħar rating li ngħata lil pajjiżna. 

L-aġenzija tar-ratings Ewropea, Scope Ratings ikkonfermat għal darba oħra r-rating ta’ Malta bħala A+, waqt li sostniet li dan ir-rating għandu outlook stabbli. Dan fl-istess żmien li din l-aġenzija tat downgrade jew negative outlook lil diversi pajjiżi taż-żona ewro, fosthom l-Awstrija, Franza u l-Finlandja. Tant li fl-istess jum li Malta ngħatat rating stabbli, dak tal-Polonja tbiddel għal negattiv.

Naqblu li r-rating tajjeb ta’ pajjiżna huwa dovut għall-qagħda ekonomika tajba, li se twassal biex ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku se jibqa’ ferm aqwa minn dik tal-pajjiżi Ewropej l-oħra. Dan filwaqt li d-dejn nazzjonali huwa baxx u li d-defiċit fiskali nieżel ġmielu. 

Ir-rapport jinnota wkoll kif il-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna se jibqa’ ferm aħjar minn dak ta’ pajjiżi oħra. L-esperti jinnutaw il-viżjoni biex ikun hemm tranżizzjoni għal produzzjoni b’valur miżjud aqwa, fosthom b’inċentivi u skemi favur l-informatika, is-servizzi finanzjarji u l-ekonomija marittima. Barra minn hekk isemmu b’mod pożittiv il-pjanijiet tal-Gvern biex juża l-fondi Ewropej ħalli din it-transizzjoni tkun suċċess.

Dan kollu jgħin biex jinħoloq aktar investiment barrani, għax kumpaniji u investituri jkollhom aktar fiduċja li jinvestu f’pajjiżna. Outlook stabbli jfisser ukoll li l-Gvern jista’ jissellef bi spejjeż aktar baxxi u dan ikun ta’ benefiċċju għas-servizzi pubbliċi u għall-investiment fil-poplu.

Barra minn hekk, rating tajjeb isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta fuq livell internazzjonali u juri li l-pajjiż għandu direzzjoni ekonomika responsabbli u sostenibbli. Dan jista’ jwassal għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol, aktar stabbiltà għan-negozji u aktar serħan il-moħħ għall-familji Maltin.

Quddiem dan kollu nemmnu li dan huwa indikazzjoni li hemm bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ġestjoni finanzjarja tal-pajjiż, fatt importanti biex pajjiżna jibqa’ aktar kompetittiv u b’saħħtu fil-futur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport