Sunday, March 23, 2025

“Meta jiġu turisti ta’ kwalità, igawdi Għawdex”

- Silvan Mifsud, ekonomista

Aqra wkoll

“Meta l-pajjiż jirnexxilu jiġbed lejh turisti ta’ kwalità, se jkun qiegħed igawdi Għawdex ukoll.” Hekk stqarr ma’ dan il-ġurnal Silvan Mifsud, ekonomista meta mistoqsi dwar stħarriġ li ppubblika ftit tal-jiem ilu dwar kemm qegħdin jonfqu t-turisti meta jżuru pajjiżna.

“Konna naħsbu li jekk turist ikun ġej mill-bogħod se jkun qiegħed jonfoq aktar f’pajjiżna, iżda din mhix ir-realtà,” itenni Mifsud.

Jgħid li minn studju li sar jirriżulta li l-aktar turisti li jonfqu f’Malta ġejjin minn pajjiżi fl-Ewropa stess bħal l-Isvizzera u dan juri li turist jonfoq skont kemm pajjiżu qiegħed tajjeb ekonomikament u kemm dik il-persuna għandha paga.

Dwar Għawdex, l-ekonomija jgħid li bħal dejjem hemm il-problema tal-insularità doppja. “Jien nemmen li Għawdex biex igawdi mit-turiżmu rridu ngħolli l-livell tat-turist li jiġi Malta. Jekk it-turisti lesti jonfqu allura Għawdex se jgawdi. Dawn it-tip ta’ turisti li lesti jonfqu ħafna drabi jkunu qegħdin ifittxu affarijiet li hemm f’Għawdex, bħal kultura u anke l-ambjent naturali li Malta tilfet ħafna minnu,” jistqarr l-ekonomista Mifsud.

Mistoqsi dwar dak li jaħseb dwar it-turiżmu f’Għawdex għas-sajf li ġej, Mifsud jgħid li bħala numri se jkun tajjeb… “iżda nerġa’ ntenni… mhux kemm jiġu turisti iżda kemm dawn l-istess turisti lesti jonfqu. S’issa n-nefqa reali ras għal ras hija taħt il-livelli li kellna fl-2019 u allura l-pajjiż irid jiffoka mhux biss fuq in-numri, iżda x’turisti qegħdin jiġi f’pajjiżna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport