Sunday, November 24, 2024

Miexi x-xogħol fuq l-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Farruġ

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar ix-xogħlijiet li bħalissa għaddejjin fuq l-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali, fost in-numru ta’ proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali li preżentement għaddejja ħidma fuqhom f’pajjiżna. 

Dan il-proġett qiegħed isir fiż-żona ta’ Ħal Farruġ, fil-limiti ta’ Ħal Luqa, f’sit ta’ madwar 10,000 metru kwadru. B’investiment sostanzjali ta’ madwar €40 miljun, dan il-proġett mistenni jkun jinkludi madwar 267 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jvarjaw minn appartamenti b’kamra tas-sodda waħda, għal oħrajn bi tliet kmamar tas-sodda, kif ukoll garaxxijiet u spazji għall-karozzi li jammontaw għal madwar 300. Inklużi fil-proġett insibu appartamenti li jilqgħu għal bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Roderick Galdes żar il-ħidma intensiva li bħalissa għaddejja fuq it-tliet blokok ta’ dan il-bini u spjega li din il-ħidma se tkun qiegħda tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna familji. Il-ministru stqarr li permezz ta’ dan il-proġett soċjali, mhux biss se tkompli tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija tal-akkomodazzjoni soċjali, imma ukoll se nkomplu nkunu ta’ spalla għal familji li jeħtieġu l-għajnuna tal-istat u niżguraw li mhux biss nipprovdu saqaf dinjituż, iżda ukoll residenza li tkompli tgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna.

Huwa sostna wkoll li jinsab konvint li dan il-proġett se jħalli marka importanti fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali li minnu se jibbenifikaw numru sostanzjali ta’ familji.

Sport