Saturday, December 21, 2024

Mijiet jinġabru fil-Belt Valletta għal Earth Hour 2024

Aqra wkoll

Is-Sibt filgħaxija, mijiet ta’ nies inġabru fil-Belt Valletta biex jipparteċipaw fl-attivitajiet li jimmarkaw Earth Hour, inizjattiva globali biex titqajjem kuxjenza dwar l-użu tal-enerġija b’mod sostenibbli u t-tibdil fil-klima.

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ingħaqad għal darb’oħra ma’ aktar minn 190 pajjiż madwar id-dinja. Dan huwa avveniment ambjentali annwali, li laħaq il-qofol tiegħu fi Switch Off globali ta’ sittin minuta fit-8:30pm. Tul din is-sittin minuta, id-dawl fi Triq ir-Repubblika tbaxxa u ntfew id-dwal ta’ Pjazza Tritoni u ta’ Forti Sant Anġlu. Dan filwaqt li l-parteċipanti poġġew xemgħat quddiem il-Parlament, li jiffurmaw il-logo globali tal-avveniment Earth Hourt “60+”.

Earth Hour huwa Fond Dinji għall-Ħajja Selvaġġa (World Wildlife Fund) li jmur lura għall-2007. Miljuni ta’ nies madwar id-dinja jitfu d-dwal u tagħmir elettriku ieħor għal siegħa bħala azzjoni klimatika. Iservi bħala tfakkira li l-azzjonijiet individwali, ikunu żgħar kemm ikunu żgħar, kollettivament għandhom impatt qawwi fuq l-ambjent, li jħeġġu lin-nies jagħmlu l-parti tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għal futur sostenibbli.

L-attivitajiet tal-Earth Hour fil-Belt Valletta bdew aktar kmieni filgħaxija, hekk kif il-banda tal-1st Ħamrun Scout Group Duke of Argyll’s Own għamlet marċ minn Pjazza San Ġorġ sa Misraħ il-Ħelsien, quddiem il-Parlament. Dan flimkien ma’ aktar mużika live u attivitajiet oħra, fosthom crafts u attivitajiet ambjentali għat-tfal. L-entitajiet tal-Ministeru tal-Ambjent, fosthom Project Green, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), WasteServ, Circular Economy Malta, Ambjent Malta, Incetconnect Malta, Sustainable Development Directorate u l-kampanja ClimateOn ingħaqdu għal dan l-avveniment biex jaqsmu informazzjoni dwar prattiċi sostenibbli u effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Fi preparazzjoni għall-avveniment tas-Sibt, il-Ministeru għall-Ambjent nieda kampanja ta’ informazzjoni, li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jingħaqad mal-Earth Hour Switch Off u biex isostni dan l-impenn billi jadotta prattiċi ta’ kif tista’ tiffranka l-enerġija matul is-sena.

Ekonomija

Sport