“Min verament jemmen fit-trasparenza jinsisti mhux biss li jkun hemm il-protokolli meħtieġa izda wkoll li jkun jidher li l-protokolli qed jigu mwettqa, b’mod ugwali u mingħajr eċċezzjonijiet. Hekk biss nistgħu negħlbu t-tentattivi dejjem izjed makakki u sottili ta’ nies li jittentaw jinfluwenzaw persuni fi rwoli mportanti sabiex iħaxxnu buthom. Mhux hekk taħsibha Roberta Metsola, li għalkemm konxja mir-rwol delikat imwettaq mir-raġel tagħha li jista jiggwadanja mhux ftit mill-eżitu tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew immexxi minnha, għażlet li tappoġja pjan intiż sabiex isaħħaħ it-trasparenza li jeskludi lilha biss minn kwalunkwe forma ta’ skrutinju”
Qal dan il-kap tad-delezzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Alex Agius Saliba, b’reazzjoni għall-aħbar ta’ Politico, li lbieraħ ħareġ allegazzjonijiet dwar il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Agius Saliba sostna li ftit persuni fil-Parlament Ewropew kienu konxji mir-rwol prominenti tar-raġel ta’ Roberta Metsola fis-settur tal-cruise liners. Irrimarka li Metsola ma ddejqet xejn titkellem diversi drabi fuq is-settur li fih jaħdem ir-raġel tagħha fosthom waqt il-Malta Maritime Forum u kif wkoll waqt numru ta’ laqgħat maċ-Chamber of SMEs.
Qal ukoll; “Naturalment wieħed jistaqsi, imma x’kien il-ħsieb ta’ Metsola li teżonera lilha nnifisha minn dan l-iskrutinju ? Li hu żgur huwa li setgħet faċilment tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-rwol tar-raġel tagħha għal kull buon fini, irrispettivament minn jekk kienitx obbligata tagħmel hekk jew le. Dan ma kienx se jirrikjedi xi impenn straordinarju jew joħdilha wisq mill-ħin tagħha”.
Enfasizza li din mhux l-ewwel darba li Metsola naqset milli tosserva l-protokolli ta’ trasparenza. Semma li s-sena l-oħra, Metsola argumentat li għandha tiġi eżentata mill-obbligu li tiddikjara r-rigali li rċiviet, dikjarazzjoni sempliċi li skontu hija mistennija mill-MEPs kollha.
Tenna li ;”fi ftit kliem, filwaqt li Roberta Metsola tisħaq li l-politikanti – speċjalment dawk mill-kamp oppost – għandhom josservaw regoli iżjed iebsa, l-istess Roberta Metsola tevita milli tosserva l-istess prassi kull fejn tista”