Joar Are Lyngaas, Norveġiż ta’ 35 sena, iżda residenti Għajnsielem wieġeb mhux ħati li pprova joqtol lil Richard Debrincat ta’ 43 sena f’Għajnsielem. Huwa kien mixli li kkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi, liema ġrieħi ġew kkawżati b’arma li taqta’ u bil-ponta.
L-allegat każ seħħ fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Mejju 2025 fi Triq Fuq il-Għajn. Lygnas kien mixli wkoll li fl-istess lejl ipprova jikkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna oħra. Akkużi oħra jgħidu li l-imputat allegatament daħal f’residenza f’Għajnsielem li fiha wettaq xi ħsarat u li wettaq dawn ir-reati waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.
Quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana, l-imputat deher kalm ħafna, filwaqt li wieġeb għal kull mistoqsija li saritlu. Fil-Qorti qal li hu jaħdem bħala ‘content writer’.
Id-difiża li kienet immexija mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Maria Bartolo Dimech qalet li mhux se tkun qiegħda tikkontesta l-arrest tal-klijent tagħha, u lanqas kienet se titlob għall-ħelsien mill-arrest.
Bil-Maġistrat Sultana, kontinwament tgħid lill-imputat jekk hux qiegħed jifhem dak li qiegħed isir fil-Qorti, id-difiża qalet li kienet qiegħda titlob li hekk kif jasal fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiġi eżaminat minn Psikjatra biex jiġi stabbilit jekk għandux jinżamm hemm jew inkella jittieħed fis-sezzjoni tal-forensika.
Għal din it-talba l-investigatur ewlieni, l-Ispettur Keith Xerri qal li mhux qiegħed isib oġġezzjoni. Kien għalhekk li l-Qorti laqgħet it-talba u ordnat lid-direttur tal-ħabs biex jara xi bżonnijiet għandu l-imputat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri, filwaqt li għall-imputat dehret l-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Maria Bartolo Dimech, u l-Avukat Jonathan Mintoff għall-parti civile.