Darren Brincat ta’ 40 sena minn Ħal Qormi baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li wettaq hold-up minn banka tal-lottu. Il-każ seħħ l-Erbgħa li għadda, għall-ħabta tas-2.15 p.m. fi Triq San Edwardu, Ħal Qormi.
Dakinhar tas-serqa, fil-banka tal-lottu kien hemm impjegata, mara ta’ 31 sena residenti Ħal Kirkop. Raġel kien daħal jitlobha l-flus u allegatament il-mara ġiet aggredita mill-istess persuna li kien fil-pussess ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
Huwa allegatament seraq ammont ta’ flus kontanti u sussegwentement ħarab minn fuq il-post.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-Pulizija waslu għall-imputat minn filmati miġbuda mill-cameras tas-sigurtà kif ukoll minn xhieda pajżana.
Intqal ukoll li jumejn wara f’stabbiliment tad-divertiment fl-istess lokalità, l-imputat kien involut f’argument fejn hemm ġie arrestat. Brincat ġie mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi f’dan l-argument.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Kevin Pulis. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-imputat.