Wednesday, March 5, 2025

Mixli li sawwat lis-sieħba tiegħu għax marret tara logħba futbol

Aqra wkoll

Raġel Tork ta’ 33 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Nadia Helena Vella li nhar it-Tnejn li għadda allegatament sawwat lis-sieħba tiegħu u kkaġunalha ġrieħi ħfief.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-argument inqala wara li l-eks tfajla tiegħu ma kinetx qaltlu li sejra tara logħba futbol. Hu kien akkużat ukoll li wettaq dan ir-reat għall-ħabta tal-4.00pm, f’residenza fis-swieqi. it-Tork ġie mixli wkoll li kkaġunalha vjolenza fejn anke qattgħalha l-ħwejjeġ b’sikkina, liema ħsara taqbeż il-€233 iżda inqas minn €2,333.

Għal dawn l-akkużi, it-Tork wieġeb mhux ħati.

Fil-Qorti qal li hu jaħdem bħala chef f’lukanda u li bħalissa qiegħed jgħix f’kamra fl-istess lukanda li jaħdem fiha.

L-Ispettur Antonello Magri li qiegħed imexxi l-Prosekuzzjoni qal li fit-3 ta’ Mazru li għadda kien informat li kien hemm argument f’residenza fis-Swieqi. L-infomrazzjoni kienet li raġel kien sawwat lis-sieħba tiegħu. Il-pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u arrestaw lill-imputat.
Id-difiża mexxija mill-Avukat Alex Scerri Herrera għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda din sabet oppożizzjoni kbira mill-prosekuzzjoni minħabba li l-allegat vittma għad trid tixhed kif ukoll li l-akkużat m’għandux rabtiet ma’ Malta.

Il-Prosekuzzjoni qalet li din kienet it-tieni darba li l-akkużat ħebb għall-vittma.

Min-naħa tagħha d-difiża qabel li kieku kull persuna li tkun arrestata trid tistenna lill-vittma tixhed kieku ħadd ma jingħata l-ħelsien. Qal li l-klijent tiegħu kien se joqgħod fil-lukanda u lest li joqgħod għall-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ naħat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ li l-akkużat jaħrab minn Malta.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-allegata vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport