Sunday, December 22, 2024

Mixlija li serqet €1,675 minn ħwienet li kienet taħdem fihom f’Bay Street

Aqra wkoll

Eks impjegata akkużata li serqet flus mill-ħwienet ta’ min kien jimpjegaha f’Bay Street ingħatat il-libertà proviżorja wara li wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontra tagħha.

Cristina Amenta ta’ 34 sena minn Sqallija iżda ilha tgħix u taħdem f’pajjiżna għal dawn l-aħħar sitt snin, kienet ikkonfrontata mill-imgħallem tagħha ftit tax-xhur ilu wara li ġew innutati diskrepanzi ta’ flus fil-ħwienet tal-kumpanija.

L-Ispettur Eman Hayman spjega fil-Qorti kif min kien iħaddimha vverifika dawk id-diskrepanzi u anke ċċekkja l-filmati mill-kameras tas-sigurtà li allegatament urew lis-suspettata tieħu ammont ta’ flus kontanti jumejn wara xulxin.

Madwar €1,010 allegatament insterqu fid-29 ta’ Diċembru filwaqt li €605 u €60 oħra nsterqu fil-ġurnata ta’ wara. Mir-roster tal-ħaddiema irriżulta wkoll li s-suspettata kienet xogħol f’dawk il-ġranet. Meta l-imgħallem tagħha informaha b’dan kollu, hija ċaħdet l-involviment tagħha f’dan is-serq.

Sussegwentement sar rapport lill-pulizija, li għall-ewwel ma setgħux isibu lil Amenta. Madankollu hija ntlemħet l-Erbgħa li għadda fi stabbiliment f’Paceville u ġiet arrestata. Meta tressqet fil-Qorti hija ċaħdet l-akkużi ta’ serq aggravat.

L-Avukat tagħha, Dr Thomas Sant, talab għall-ħelsien mill-arrest tal-klijenta tiegħu u argumenta li l-imputata kienet preżunta innoċenti, kellha fedina penali netta u ilha tgħix Malta numru ta’ snin. Dan filwaqt li kellha residenza fissa, li ilha tgħix fiha minn Awwissu li għadda. “Ninsab pjuttost sorpriż kif il-pulizija qalet li ma setgħux isibuha,” huwa żied jirrimarka.

L-Avukat Nicole Marie Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonat għat-talba tad-Difiża minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li għad fadal xhieda li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. L-Ispettur Hayman żied jgħid li kien “b’kumbinazzjoni” li nstabet l-imputata.

Wara li ħadet kunsiderazzjoni tal-fedina penali tagħha u l-fatt li ilha tgħix Malta għal sitt snin, il-Maġistrat Ann Marie Thake tat il-ħelsien mill-arrest lil Amenta taħt depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Madankollu hija kienet ordnata biex ma ssifirx u lanqas ma tavviċina lil xi impjegat tal-kumpanija kif ukoll biex tiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.

Ekonomija

Sport