“Moralment ma jkunx ġust li qassis jinfluwenza familja biex ma tmurx il-Qorti fuq stupru ta’ minorenni”- ħaddiema soċjali 

Aqra wkoll

Id-dibattitu u l-kontroversji marbutin mal-istqarrija tal-Isqof t’Għawdex, Mons Anton Teuma dwar il-każ tan-Nadur komplew għaddejjin fl-aħħar sigħat. Ma naqsux dawk li kkummentaw u rringrazzjaw lil Fr Michael Said, waqt li oħrajna ikkritikaw bl-aħrax lill-Isqof Teuma u d-deċizżjoni tiegħu. ”. Il-każ tan-Nadur hu dwar  allegat stupru u korruzzjoni ta’ minuri fin-Nadur, fejn b’sentenza tal-Qorti  erba’ akkużati kienu ġew illiberati. Mis-sentenza ħareġ li kien hemm  fin-nofs ħlas ta’ €120,000 lill-familja tal-vittma.

F’dan il-każ hemm allegazzjonijiet ta’ pressjoni kbira fuq l-istess familja kif ukoll kien imsemmi qassis – Fr Michael Said. Fil-Qorti kien allegat involviment minn dan il-qassis – li avviċina lill-familja u qalilhom biex iwaqqfu l-proċess kif ukoll ta parir biex “jippruvaw ma jkabbrux l-affarijiet”.  Fid-dikjarazzjoni tiegħu, l-Isqof t’Għawdex, Anton Teuma enfasizza li “l-intervent ta’ influwenza tal-qassis ma kienx wieħed għaqli u dan is-sacerdot jgħarfu’. Qal iżda li m’hemm ebda ħtieġa li tittieħed xi tip ta’ azzjoni kanonika kontra is-sacerdot u dan hu konfermat minn żewġ inkjesti li saru.

Titkellem ħaddiema soċjali  ….”l-affarijiet ma’ kellhomx isiru hekk”

Ħaddiema soċjali li tkellmet ma’ L-ORIZZONT bil-patt tal-anonimità, iddikjarat li “m’hemm ebda dubju li jkollok qassis u jinfluwenza familja biex ma tmurx il-qorti f’każ ta’ allegat stupru ta’ binthom minorenni, mhix deċiżjoni tajba. U din anke l-Isqof irrikonoxxiha. Każ ta’ stupru ta’ minorenni u anke jekk mhux minorenni  mhix xi ħaġa li għandha tiġi trattata bħala parir normali jew bħala sempliċement kwistjoni privata tal-familja. Irrid inwassal messaġġ ċar. Nifhem li s-sitwazzjoni kienet waħda sensittiva.

Nifhem li kienet sitwazzjoni għal dan il-qassis. U mhux faċli tieħu deċiżjoni. Imma ejja nagħmluha ċara, għax aħna jaslu każijiet quddiemna,  li meta jkun hemm l-iċken suspett jew allegazzjoni ta’ abbuż sesswali fuq minorenni, il-prijorità għandha tkun is-sigurtà tat-tifla jew tat-tifel.  Il-każ m’għandu qatt jitpoġġa fuq xi xkaffa jew taħt it-tapit. Dak żball kbir.  Kull informazzjoni, anki l-iċken informazzjoni għandha tiġi rrappurtata u investigata kif suppost. Jiġifieri li qed ngħid jien hu li membru tal-kleru, iffaċċjat b’dan, għandu jara li l-każ imur għand l-awtoritajiet kompetenti u l-Pulizija għall-investigazzjonijiet neċessarji”.

Kompliet tgħid li “jien naħseb li moralment ma jkunx ġust li qassis jagħmel pressjoni fuq familja biex ma tmurx il-qorti meta jkun hemm allegazzjoni ta’ stupru ta’ minorenni. Nemmen li meta qassis ikun iffaċċjat b’xi każ simili għandu jżomm f’moħħu il-protezzjoni u s-sigurtà tat-tifla. Irod jara li  l-verità toħroġ b’mod ġust. Ma’ dawn imbagħad jara li l-vittma jkollha l-appoġġ meħtieġ. Il-familja tkun ħielsa tieħu d-deċiżjoni tagħha mingħajr pressjoni.”

Il-qassis jista’ joffri biss appoġġ spiritwali

L-istess ħaddiema soċjali qaltilna li “nemmen li l-qassis għandu rol imma dan hu appoġġ spirtwali u emozzjonali. M’għandu qatt ikun li jipprova jikkonvinċi lill-familja biex ma tfittixx ġustizzja. Waqt li qed ngħid dan nifhem il-kumplessitià tal-każi. Dak li ma ħariġx mill-istqarrija tal-Isqof Teuma, hi kif għandhom jaġixxu l-qassisin f’każi bħal dawn. Nemmen li meta jsibu ma’ wiċċhom każ hekk, l-ewwel li m’għandu jsir hu li jinfurmaw lill-awtoritajiet biex jinvestigaw. Huma għandhom jidħlu fil-lat spiritwali.”

Iddeċieda fil-Liġi Kanonika

Il-ħaddiema soċjali kompliet tgħid li “tidher ċara li l-istqarrija maħruġa mill-Isqof Teuma hu mexa fuq il-Liġi Kanonika, li hi l-liġi tal-knisja. Nemmen imma u dan jgħidu anke l-Vatikan, li kif diġa għidt, fuq l-iċken informazzjoni għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-Istati. Stupru huwa reat kriminali u l-awtoritajiet ċivili u l-Pulizija għandhom il-kompetenza biex jinvestigaw u jipproċedu kriminalment. Issa il-liġi kanonika tapplika jekk il-persuna involuta hija membru tal-Knisja. Il-Knisja tista’ tagħmel investigazzjoni kanonika u tieħu miżuri dixxiplinarji jew penali skont il-liġi tagħha, jekk hemm qassis involut. 

Il-Vatikan illum jagħmilha ċara li l-awtoritajiet ekkleżjastiċi għandhom jirrispettaw il-liġijiet tal-Istat u, fejn il-liġi titlob rapport lill-awtoritajiet ċivili, dan għandu jsir. Dejjem tgħallimna aħna li l-liġi kanonika ma tissostitwixxix il-liġi kriminali. Investigazzjoni tal-Knisja ma għandhiex tintuża biex tevita investigazzjoni tal-Pulizija jew tal-Qorti. Għalhekk nemmen li hu kruċjali, li ma’ l-iċken informazzjoni għandha jiġu infurmati l-awtoritajiet kompetenti”. 

Il-Knbisja iddeċidiet li ma tieħu ebda azzjoni b’rabta mal-iskandlu tan-Nadur – il-Ministru Rosianne Cutajar

Intant il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar iddikjarat li “l-Knisja iddeċidiet li ma tieħu l-ebda azzjoni b’rabta mal-iskandlu tal-abbuż sesswali fin-Nadur.  Wara xhur ta’ silenzju, l-Isqof ta’ Għawdex tfaċċa u ikkonferma permezz ta’ filmat li kien hemm influwenza minn saċerdot fuq il-familja tal-vittma ta’ abbuż sesswali li wasslet biex il-każ kontra l-akkużati jitwaqqa’, wara li ntlaħaq ftehim ta’ €7,000. L-Isqof ddeskriva dan l-intervent bħala wieħed “mhux għaqli”.

Qalilna li peress li kien ffirmat ftehim, ma jistax ikun hemm azzjoni min-naħa tal-Knisja. X’għandu x’jaqsam?! Fejn hi r-responsabbiltà?  U fuq kollox, fejn hi l-moralità li tant spiss jippriedkaw fuqha? Dan ma kienx sempliċiment intervent “mhux għaqli”. Kien intervent irresponsabbli, inaċċettabbli u tal-mistħija. F’dan kollu, ma rridux ninsew min huwa fiċ-ċentru ta’ din l-istorja: il-vittma.”

Cutajar kompliet tgħid li “tfal li jkunu vittmi ta’ abbuż sesswali għandhom bżonn adulti li jipproteġuhom, mhux adulti li jużaw il-pożizzjoni, l-influwenza jew l-awtorità tagħhom b’modi li jistgħu jaffettwaw il-kors tal-ġustizzja. Il-ġustizzja ma ssirx minn wara l-kwinti. Ma tinxtarax bi ftehimiet. U lanqas ma għandha titħalla f’idejn istituzzjoni reliġjuża. F’pajjiżna, il-ġustizzja titwettaq mill-Qrati. Dan il-każ għandu jkun ukoll mument ta’ riflessjoni serja. Il-moralità mhix dak li tippriedka minn fuq il-pulptu. Il-moralità tidher f’dak li tagħmel meta persuna vulnerabbli jkollha bżonnok tipproteġiha. U meta jkunu involuti t-tfal, ma jistax ikun hemm kompromessi, skużi jew silenzju.

It-tfal għandhom bżonn protezzjoni. Il-vittmi għandhom bżonn ġustizzja. U dawk li jippretendu li għandhom awtorità morali għandhom, l-ewwel u qabel kollox, ikunu kapaċi jġorru r-responsabbiltà għall-għemil tagħhom.”

Il-qassis m’għandux bżonn min jaqbeż għalih ’onest u integru’ – Raymond C. Xerri

Intant Raymond C. Xerri, diplomatiku f’kumment li għamel qal li “l-passi għaqlija tal-Mons Isqof provdew riżultat ċar f’dan il-każ. Jien żammejt lura milli nitkellem dwar Dun Mikiel biex inħalli l-kors tal-investigazzjonijiet jispiċċaw u b’ebda mod ma ninfluwenza lil xi ħadd. Għalkemm Dun Michael m’għandux bżonn minn jaqbeż għalih, però ta’ min jgħid, li qabel mar Arċipriet iż-Żebbug, serva fil-Parroċċa tiegħi tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp fil-Qala u f’dawk is-snin li għamel sirt nafu aktar mill-qrib.

Dun Michael huwa saċerdot li juża t-talenti partikolari li Alla żejnu bihom bl-akbar onestà, integrità u imħabba sinċiera Nisranija. Saċerdoti oħra għandhom talenti oħra sbieħ, però nista’ ngħid li ftit ħafna huma s-saċerdoti li huma bħal Dun Michael, li lesti li mhux biss jagħtu ka, jhennu, jakkompanjaw, jitolbu għal persuna jew familja fil-bżonn, imma jsegwi b’reqqa u jaffronta l-ferita jew feriti li jkun hemm. Fil-ħajja tal-llum saċerdoti bħal Dun Michael huma rari u imprezzabbli u li ma tistax tpoġġi valur fuq ix-xogħol li jagħmlu.

Mill-priedki partikolari tiegħu, għal mod kif jaf imur u jiġbed iż-żgħażagħ, għall-kariżma u tbissima sinċiera tiegħu, persuna saqajha mal-art u taf fejn int miegħu, anke bil-kelma tiegħu ta’ persważjoni, evita persuni li kkontemplaw joffendu lil Alla billi jagħmlu suwiċidju. Dawn kollha opri u doni oħra ta’ Dun Michael jiswew bħala kalamiti li jiġbdu ħafna u ħafna nies, l-aktar żgħażagħ lejn il-Knisja.  Kompli għamel il-ġid fost iż-Żebbuġin bħala Arċipriet, fis-Seminarju Minuri, fostna l-Għawdxin, l-emigranti tagħna madwar id-dinja u ma kull min Alla ilaqqak miegħu.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport