Sunday, December 22, 2024

Negozjant ħati li żamm depożiti fuq karozzi mingħajr ma ta l-karozzi lill-klijenti

Aqra wkoll

Josemar Borg ta’ 37 sena minn Santa Venera ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin wara li nstab ħati li żamm depożiti ta’ bejgħ ta’ karozzi u dan għamlu mingħajr ma ta l-karozza lill-klijenti.

Kienet l-Ispettur Christina Delia li quddiem il-Qorti akkużat lil Borg li f’Diċembru tal-2019 żamm għandu flus ta’ missier u bint kif ukoll ta’ raġel ieħor.

Fix-xhieda tagħha t-tfajla qalet li hi kienet qiegħda tfittex biex tixtri karozza u fuq il-midja soċjali rat karozza tal-għamla Toyota Vitz li għoġbitha. Xehdet li kienet għamlet kuntatt ma’ mara li fuqha kienet tidher il-karozza u ftehmu li tmur taraha.

It-tfajla kompliet tgħid li kienet marret tara l-karozza ma’ missierha u sabet Borg biex jirranġala ftit il-karozza minħabba li kif fiha xi daqqiet u grif.

Dakinhar missierha kien tah €500 u l-għada mar biex jiġbor €1,000 oħra mingħandha imma għalkemm laħqet ħarġet il-polza tal-assikurazzjoni l-karozza baqgħet ma waslitx.

Il-missier ikkonferma taħt ġurament il-verżjoni li kienet tat bintu u qal li meta ċempillu dan qabad joffendih u anke jheddu. Kien għalhekk li mar jagħmel rapport lill-Pulizija.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia xehed raġel ieħor li wkoll kien spiċċa vittma ta’ Borg. Hu qal li kien tah żewġ pagamenti ta’ €500 fuq Hyundai Getz imma minħabba li kellha ħsara żgħira fir-radiator kien hemm bżonn titranġa imma baqgħet qatt ma ngħatatlu.

Il-Maġistrat ikkonkludiet li mill-provi jirriżulta li l-akkużat kien ħati li żamm għalih flus li ma kienux tiegħu.

Il-Qorti ordnat wkoll biex fi żmien sena jirrifondi lit-tfajla €1,000, lil missierha €500 u lill-klijent l-ieħor €1,000.

Ekonomija

Sport