Monday, May 18, 2026

Ngħixu l-aqwa proposti

Tikteb Lorna Borġ Vassallo

Aqra wkoll

Il-proposti elettorali qed jiżdiedu kuljum. Iżda liem’huma l-aqwa?

Ta’ min jgħid li l-proposti tal-partit li japplikaw għal kulħadd diġà ħarġu għalkemm jista’ jkun hemm oħrajn.  Waħda li żgur spikkat hija dik tas-‘superbonus’ li kif iġib ismu stess huwa bonus ta’ €1000 kull sena għal kull ħaddiem.  Miegħu jista’ wkoll jiżdied il-bonus li ngħata lil min għalaq il-wieħed u sittin sena ta’ €500 iktar kull sena (apparti l-elf ewro diġà mħabbra) li tħabbar f’nofs il-kampanja.  

L-għeruq soċjalisti tal-manifest elettorali jidhru wkoll fl-għoti ta’ iktar leave fosthom il-jumejn leave imħallas għall-istudenti, l-għotja ta’ 28 ġurnata leave addizzjonali lil ġenituri ġaladarba jerġgħu lura għax-xogħol u ż-żieda għal xahar mal-paternity leave diġà eżistenti.  Ta’ min isemmi wkoll il-parental leave ta’ sitt xhur kollu mħallas u l-maternity leave li issa tela’ għal 26 ġimgħa.  

Iżda l-leave mhux kollox.  L-għotjiet ta’ somom lil diversi setturi tas-soċjetà hija wkoll evidenti fil-manifest. Iż-żgħażagħ żgur li ma ntesewx. Dan billi l-istipendju ser jogħla bi 15% u l-għotja ta’ €1000 għal dawk li jmorru jistudjaw barra permezz tal-programm tal-Unjoni Erasmus.  Il-lista ta’  benefiċċji liż-żgħażagħ Maltin tkompli wkoll bl-eżenzjoni tal-bolla fuq l-ewwel €300k għal min jixtri dar għall-ewwel darba u l-wegħda tal-gvern li jagħti self mingħajr interessi ta’ ammont li jitla’ sa 25% tal-valur tal-proprjetà lill-istess żgħażagħ li jixtru darhom għall-ewwel darba. Iż-żgħażagħ ukoll ser jibbenefikaw minn eżenzjoni 100% ta’ taxxa fuq l-ewwel €30k tad-dħul tagħhom li jista’ jħalli €12,300 aktar f’buthom.

Ta’ min jgħid ukoll iżda li ser tiġi pprovduta għajnuna wkoll għal koppji li għandhom aktar żmien li jixtiequ jiċċaqalqu għal dar ikbar.  Sakemm ma nsemmux l-għotja ta’ €5000 li ser tingħata lill-familji kbar sabiex jixtru vettura akbar jekk il-vettura ma tkunx elettrika, jew ta’ €12000 jekk il-vettura tkun tal-elettriku.

Żgur li l-manifest tal-Partit Laburista ta’ din l-elezzjoni m’huwiex biss xhieda ta’ gvern li ġġenera ġid li jissupera l-bżonnijiet bażiċi tal-pajjiż (b’‘war chest’ mimlija) iżda wkoll manifest li jkompli jtejjeb dejjem aktar il-ħajja tal-Maltin.  

Għal darb’oħra il-poplu Malti sab gvern laburista li lest li jsostnieh dejjem aktar. Li fil-verità jistagħnah dejjem aktar.  Li permezz tal-konċessjonijiet biss li jipprovdilu diġà jkollu jgħollih fil-livell tal-għajxien tiegħu anke meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej.  Bl-iktar ħaġa importanti dejjem tibqa’ li tali gvern huwa gvern li rrenda, li s’issa kien dejjem hemm għall-poplu, u li wettaq dak kollu li dejjem wiegħed. Gvern li minbarra dan kollu għandu wkoll viżjoni fit-tul li tmur lil hemm mill-manifest elettorali propost.

Jekk il-poplu Malti jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista fl-elezzjoni li jmiss, allura jkun verament jista’ jagħżel l-aqwa proposti elettorali u jgħixhom.  U jesperjenza l-qofol ta’ politika laburista li tiġi fis-seħħ jum wara jum.

Lorna Borġ Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ikkontestat diversi elezzjonijiet mal-Partit Laburista u ser terġa’ tikkontesta l-elezzjoni li jmiss fuq id-9sa’ u l-10ar distrett.  Għal aktar artikli www.vassallolorna.com 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport