Saturday, May 4, 2024

Ninvestu fid-Drittijiet tal-Bniet

Aqra wkoll

 “Il-bniet jistgħu jġibu bidla kbira fid-dinja: Meta d-drittijiet tagħhom jiġu rikonoxxuti, il-bżonnijiet tagħhom jiġu sodisfatti, u l-vuċijiet tagħhom jinstemgħu, huma jmexxu bidla pożittiva fil-familji, fil-komunitajiet tagħhom, u fid-dinja,” hekk stqarr l-eks Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Ban Ki-moon. 

Kull sena, fil-11 ta’ Ottubru, id-dinja tfakkar il-Jum Internazzjonali tat-Tfal Bniet, il-jum li matulu nirrikonoxxu l-importanza, is-setgħa, u l-potenzjal tat-tfal bniet adoloxxenti billi ninkoraġġixxu li jinħolqu aktar opportunitajiet għalihom. It-tema ta’ din is-sena,  ‘Ninvestu fid-Drittijiet tal-Bniet: It-Tmexxija Tagħna, il-Benesseri Tagħna’, tenfasizza l-irwol kruċjali li  għandhom il-bniet fit-tfassil tal-futur tagħna u l-importanza li niżguraw id-drittijiet u l-benesseri tagħhom.

Ħafna bniet madwar id-dinja qegħdin jagħmlu impatt sinifikanti f’diversi oqsma u qed iħeġġu lil oħrajn biex isegwu l-passjonijiet tagħhom u jikkontribwixxu għal bidla pożittiva fid-dinja. Greta Thunberg  hija attivista ambjentali Żvediża li kisbet rikonoxximent globali għall-isforzi tagħha biex tiġġieled it-tibdil fil-klima.

Hija bdiet il-moviment ‘Fridays for Future’, li spira miljuni ta’ studenti madwar id-dinja biex jistrajkjaw għal azzjoni klimatika. Simone Biles hija ġinnasta Amerikana li bħal Thunberg kisbet rikonoxximent globali. Biles meqjusa bħala waħda mill-akbar ġinnasti ta’ kull żmien. Hi rebħet bosta midalji tad-deheb Olimpiku u hija magħrufa għall-ħiliet eċċezzjonali tagħha fl-atletika. 

Malala Yousafzai u Mikaila Ulmer huma bniet li sa minn ċkunithom wkoll baqgħu magħrufa. Yousafzai wara li salvat ħajjitha minn attakk tat-Talibani, saret magħrufa għall-promozzjoni li tat sabiex tħeġġeġ id-dritt tal-bniet għall-edukazzjoni. Malala rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi waqt li Ulmer hija intraprenditriċi li waqqfet ‘BeeSweet Lemonade’ u li wżat in-negozju tagħha biex tqajjem kuxjenza dwar in-naħal u s-sostenibbiltà.

F’Malta wkoll għandna bniet li qegħdin jagħmlu suċċess kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hinn minn xtutna. Riċentament, fl-isports, rajna lil Anthea Cutajar tispikka fil-kampjonat Franċiż tat-table tennis tat-tieni diviżjoni ma’ Uljap Rocq.

Cutajar, li għandha 18-il sena, ingħaqdet mat-tim Franċiż fil-bidu ta’ dan l-istaġun u diġà’ bdiet turi l-potenzjal tagħha. Il-klabb tas-Seria A Inter ħabbar uffiċjalment l-akkwist tal-plejer Maltija Haley Bugeja. Bugeja ffirmat għal tliet snin mal-klabb, sat-30 ta’ Ġunju 2026. Din se tkun it-tieni esperjenza ta’ Bugeja fil-kampjonat Taljan tan-nisa wara li diġà lagħbet mas-Sassuolo.

F’dan il-jum mhux biss niftakru fil-kisbiet tal-bniet iżda wkoll fl-isfidi li t-tfajliet żgħar jiffaċċjaw madwar id-dinja, inkluż l-isterjotipar, iż-żwiġijiet tat-tfal, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, ir-rappreżentanza limitata fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-ostakli li għadhom jiffaċċjaw il-bniet fl-edukazzjoni. Biex ninvestu tassew fid-drittijiet tal-bniet, irridu nkissru dawn l-ostakli u niżguraw li kull tifla tkun tista’ timraħ f’dak kollu li tixtieq. 

F’dinja fejn il-bniet ta’ spiss jiffaċċjaw bosta sfidi u diskriminazzjoni, organizzazzjonijiet f’Malta bħall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) huma strumentali fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-inklussività. Ix-xogħol tal-NCPE mhux biss huwa marbut mal-investigazzjoniijiet ta’ lmenti ta’ diskriminazzjoni, għalkemm dawn huma importanti u neċessarji, iżda l-NCPE toħloq wkoll kampanji ta’ għarfien sabiex tqajjem kuxjenza dwar l-example?

Fil-fatt, biex tifhem iżjed ir-realtajiet ta’ pajjiżna, aktar kmieni din is-sena, l-NCPE nediet ir-riżultati tal-istudju bl-isem: ‘The prevalent gender roles perceptions and attitudes among adults living in Malta’ li l-NCPE għamlet b’kollaborazzjoni mal-Fakultà għall-Benesseri Soċjali u s-Sesswalitajiet u l-Ġeneru. Din ir-riċerka kienet meħtieġa sabiex titfa’ dawl fuq l-oqsma fejn huma meħtieġa sforzi biex neliminaw l-isterjotipi tal-ġeneru. B’mod ġenerali, irriżulta li s-soċjetà Maltija għadha tħaddan mentalità patrijarkali b’suppożizzjonijiet tipiċi tal-ġeneru. 

F’dinja fejn il-bniet spiss jiffaċċjaw limitazzjonijiet bħal dawn, naraw kemm hu importanti li nfakkru dan il-jum biex nippromowvu dejjem aktar l-ugwaljanza u l-opportunitajiet ugwali.  

Sport