Sunday, November 24, 2024

Ordnat iħallas €12,623 wara li nżamm responsabbli li weġġa’ xufier tat-taxi

Aqra wkoll

Raġel li lura għall-2019 kien qiegħed isuq trakk u baqa’ dieħel f’taxi wieqfa, ġie ordnat jagħti €12,623 lill-vittma. Dan wara li l-Qorti sabitu ħati li kkaġuna ġrieħi fuq il-vittma li kien qiegħed fit-taxi. Il-vittma, Charles Aquilina fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Joseph Camilleri, ix-xufier li kien qiegħed isuq it-trakk.

Fil-Qorti ingħad li l-każ imur lura għal Lulju ta’ħames snin ilu fi Triq l-Imdina f’Ħ’Attard. L-akkużat ammetta li baqa’ dieħel ġot-taxi li kienet wieqfa u kien hawn fejn qal li rreġistra ‘claim’ mal-kumpanija tal-assigurazzjoni madankollu ma kienx hemm qbil dwar l-ammont tal-kumpens.

L-Imħallef Toni Abela li sema’ l-każ qal li jemmen li Camilleri kien traskurat fis-sewqan, bir-raġuni li Camilleri innifsu ammetta dak illi qalet il-Qorti.

Meta l-Qorti ġiet tiddeċiedi għas-somma tal-kumpens, qieset diversi fatturi, fosthom il-fatt li l-vittma kellu 52 sena u li kawża tal-istess inċident sofra diżabilità permanenti ta’ 3%.

Wara l-kunsiderazzjoni, l-Imħallef Abela qal fil-Qorti li Camilleri għandu jagħti kumpens ta’ €12,623 lil Aquilina.

Sport