Sidien ta’ kelb ta’ razza pitbull ġew ordnati jagħtu kumpens ta’ €104,021 lil ġuvni li fl-2018 kien safa attakkat mill-istess kelb f’Bormla.
Jean Claude Vella kellu biss 14-il sena meta f’Awwissu tal-2018 kien ħareġ jarmi kaxxa barra fit-triq u kien ġie attakkat mill-kelb. Dan spiċċa gidmu f’saqajh u wara li ttieħed l-isptar kien ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Kienu Michael u Michelle Vella l-ġenituri tal-minuri li fetħu kawża għad-danni lil Frances Pantalleresco u binha Marjan Lee li huma s-sidien tal-kelb. Fil-kawża huma talbu li jingħataw kumpens f’isem binhom minħabba l-ġrieħi serji li sofra.
Il-ġuvni fil-Qorti qal li dakinhar tal-inċident kien ra l-kelb ġej għalih għal għarrieda. Hu rrakkonta fid-dettall kif kien ġie attakkat mill-kelb u anke kemm għajjat bl-uġigħ wara. Provi mressqa fil-Qorti wrew li l-kelb baqa’ jigdem lil ġuvni sakemm intervjena wieħed mis-sidien. Iżda sakemm laħaq intervjenza, il-ġuvni kien diġà intilef minn sensieh.
Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Toni Abela qalet li qiegħda żżomm lis-sidien tal-kelb responsabbli għall-ġrieħi li sofra l-ġuvni. Ħareġ ċar li l-kelb fil-ħin tal-inċident kien qiegħed jiġerra waħdu mingħajr ċinga u sarima.
Esperti mediċi li wkoll xehdu fil-kawża qalu li t-tifel sofra diżabbiltà permanenti ta’ 9% u b’uġigħ persistenti li jista’ jtul. Aktar minn hekk wara l-inċident il-ġuvni beda jsofri minn konsegwenzi psikoloġiċi permanenti.
Il-Qorti wara li qieset l-età tal-ġuvni, il-gravità tal-ġrieħi fiżiċi u psikoloġiċi li ġarrab it-tifel u anke x-xogħol li qiegħed jagħmel illum, l-Imħallef Abela ordna lis-sidien tal-kelb iħallsu kumpens ta’ €104,021 flimkien mal-imgħaxijiet.