Thursday, December 26, 2024

Organzzata l-15-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

Aqra wkoll

“Il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra jibqa’ strumentali sabiex niksbu għarfien u nifhmu aħjar kif id-dijaspora Maltija qed tħares lejn pajjiżna minn barra minn xtutna u biex inkomplu nwasslu l-viżjoni tal-politika barranija tagħna.” Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza l-15-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta.

Il-15-il laqgħa annwali ta’ dan il-Kunsill, li huwa mwaqqaf b’liġi, qed tittella’ bejn il-11 u 12 ta’ Settembru 2023, ġewwa l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ f’Palazzo Spinola, San Ġiljan.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Ian Borg laqa’ l-membri tal-Kunsill u rringrazzjahom għall-kontribut tagħhom. Huwa rrikonoxxa li għal ħafna membri tal-Kunsill, il-laqgħa ta’ din is-sena se tkun l-aħħar waħda tagħhom bħala membri u għalhekk ħeġġeġ lil dawn il-membri sabiex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, partikolarment rigward l-għanijiet tal-Kunsill.

Il-Ministru Borg enfasizza li l-integrazzjoni tad-dijaspora Maltija madwar id-dinja tinsab b’saħħitha aktar minn qatt qabel u dwar l-importanza li jkompli jitrawwem dan l-adattament anke fil-ġenerazzjonijiet iżgħar.

“Id-demografija u d-dinamika tal-mobilità Maltija qiegħda tinbidel b’mod mgħaġġel ħafna. Dan permezz tal-globalizzazzjoni, il-progress teknoloġiku, u t-tħassib ambjentali. Dawn il-fatturi huma mistennija li jaffettwaw il-migrazzjoni u l-prijoritajiet fil-futur. Għalhekk, jeħtieġ li pajjiżna jibqa’ attiv sabiex nibqgħu naraw li nkomplu niksbu aktar riżultati sbieħ li jagħtu dehen lill-isem pajjiżna,” qal il-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru Borg fakkar diversi inizjattivi u avvenimenti fosthom il-ftuħ ta’ Kummissjoni Għolja ġdida f’Ottawa, il-Kanada, u l-organizzazzjoni tal-Forum Virtwali taż-Żgħażagħ għall-Maltin li jgħixu barra. Huwa semma pjanijiet biex jiġi ppreżentat Abbozz ta’ Liġi rivedut li jistabbilixxi l-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra.

L-aġenda għal-laqgħa ta’ din is-sena kienet tinkludi wkoll diskussjonijiet dwar il-konnettività u l-importanza tagħha, b’kontribut kemm mill-membri tal-Kunsill kif ukoll minn partijiet interessati oħra.

Dan il-Kunsill huwa magħmul minn 15-il membru, u jinkludi membri mill-Awstralja, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Belġju, ir-Renju Unit, Franza, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda.

Ekonomija

Sport