Issokta l-proċess ta’ konsultazzjoni b’rabta mal-Labour Migration Policy, fejn din id-darba kien imiss lill-General Workers’ Union li tagħti l-perspettiva tagħha dwar din il-politika f’laqgħa mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. Il-laqgħa saret it-Tnejn waranofsinhar fil-Workers’ Memorial Building.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU komposta mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, il-President Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, flimkien ma’ Segretarji minn diversi Taqsimiet fi ħdan l-istess union.
Fil-kummenti introduttorji tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fisser kif din il-politika hija importanti ħafna u li bħala unjin dejjem saħqu li l-ħaddiema, huma min huma u ġejjin minn fejn ġejjin, għandhom dejjem ikunu trattati b’mod ugwali.
“Mhux li nġibu kemm nifilħu numri imma fejn hemm il-ħtieġa u ma rridux li jkun hemm żbilanċ biex niggarantixxu li dawn il-ħaddiema li jiġu jkollhom impjieg diċenti u dħul xieraq,” żied jgħid is-Sur Bugeja filwaqt li semma kif bħala unjin qegħdin jaħdmu fuq ir-rakkomandazzjonijiet li hemm elenkati f’din il-politika.
“Però nemmnu li dan huwa pass importanti, deċiżiv u sinfikament b’saħħtu għax irridu nagħtu direzzjoni li kull min jgħix f’dan il-pajjiż irid ikollu s-serħan tal-moħħ li jkollu ħajja diċenti, impjieg diċenti u dħul xieraq,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li l-unjin qiegħda tifhem l-għanijiet ta’ din il-politika. Huwa qal ukoll li l-punt kruċjali huwa li jinqatgħu l-abbużi tal-ħaddiema. Tenna li l-ħsieb wara dawn il-laqgħat huwa li r-riforma tiġi mtejba kemm jista’ jkun.