Friday, December 13, 2024

Pilota jiffranka l-ħabs wara li nstab ħati li kkawża inċident fatali b’ajruplan żgħir

Aqra wkoll

Pilota li kkawża ħabta fatali b’ajruplan żgħir fuq gżira fil-Great Barrier Reef tal-Awstralja ffranka sentenza ta’ priġunerija. 

F’dan l-inċident, it-turista Ingliża Jocelyn Spurway – li kellha 29 sena – tilfet ħajjitha u mara oħra Irlandiża weġġgħet serjament meta l-ajruplan baqa’ dieħel fir-ramel f’Middle Island f’Jannar tal-2017.

Fi tmiem ġuri li dam biss ftit jiem, il-ġurati sabu lill-pilota Leslie Woodall ħati li saq l-ajruplan b’mod perikoluż li kkawża l-mewt ta’ persuna u li kkaġuna ġrieħi gravi lil oħra.

Woodall kien ikkundannat sentejn ħabs li ġew sospiżi, li jfisser li l-ħati ma kienx se jintbagħat il-ħabs sakemm isegwi l-kundizzjonijiet imposti fuqu. 

Fil-ġuri, li sar fil-Qorti tad-Distrett ta’ Brisbane, intwerew filmati li ttieħed minn wieħed mit-tliet passiġġieri li kienu abbord l-ajruplan, li qabad il-mument eżatt meta waqfet il-magna u Woodall dawwar l-ajruplan b’mod lejn ix-xellug. Is-Cessna 172N imbagħad tilef malajr l-altitudni qabel naħa minnhom tal-ajruplan laqtet ir-ramel. 

Esperti tal-avjazzjoni li taw ix-xhieda waqt il-ġuri qablu li Woodall, pilota b’esperjenza, mar kontra l-aħjar prattiċi u t-taħriġ fit-titjir. Qalu li dan kienu messu żamm il-ġwienaħ tal-ajruplan livellati biex jikkontrolla aħjar is-sitwazzjoni u jinżel b’mod sikur mingħajr periklu. 

Meta kien mistoqsi mill-Pulizija dwar l-inċident, l-akkużat kien stqarr li: “iddeċidejt li ma ninżilx fl-ilma peress li kien fond u kont imħasseb dwar ir-riskji ta’ għarqa. Nemmen li għamilt dak kollu li stajt biex niżgura s-sigurtà ta’ dawk abbord.” 

Ekonomija

Sport