Sunday, November 24, 2024

Qafas ta’ Politika għat-Tfal irid ifisser kwalità tal-ħajja għall-familji – Il-PM Robert Abela fl-għeluq tal-Konvenzjoni tal-Eurochild 

Aqra wkoll

Fil-ġimgħat li ġejjin se jkun ippubblikat dokument finali ta’ Qafas ta’ Politika għat-Tfal 2024-2030 wara li dokument inizjali marbut mal-istess Qafas ta’ Politika għat-Tfal kien miftuħ għall-konsultazzjoni, li għaliha daħlu ’l fuq minn mitejn sottomissjoni mit-tfal u ħamsa u tletin sottomissjoni oħra min-nies u entitajiet li huma stakeholders fil-qasam.

Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel f’għeluq Konvenzjoni tal-Eurochild li tlaqqgħet f’Malta f’dawn il-jumejn b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà. Fil-fatt iċ-Chairperson ta’ din il-Fondazzjoni, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca hi wkoll il-President tal-Bord Amministrattiv ta’ Eurochild, organizzazzjoni internazzjonali li tiġbor fiha għaqdiet differenti fl-Ewropa li jaħdmu mat-tfal.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-Qafas tal-Politika għat-Tfal għandu jaħdem id f’id mad-direzzjoni importanti li qed jagħti l-Gvern favur il-kwalità tal-ħajja tal-familji. Dan hekk kif dan il-Qafas jitkellem fuq temi komuni li qajmu t-tfal stess fosthom il-kwalità tal-ħin mal-familja, l-ambjent, is-saħħa u l-edukazzjoni fost oħrajn. Qal li id f’id ma’ dan ix-xogħol li qed isir, hemm il-Pjan t’Azzjoni Nazzjonali għal Garanzija għat-Tfal, li fih hemm miżuri importanti li l-Gvern b’ruħ soċjali qed jimplimenta biex ikompli jindirizza realtajiet soċjali. Hawn innota kif nofs il-miżuri soċjali f’dan il-Pjan t’Azzjoni qed jiġu implimentati f’oqsma kruċjali; bħas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Fil-Konferenza tal-Eurochild, il-Prim Ministru Robert Abela qal li pajjiżna jrid jibqa’ miftuħ u jkompli jagħti spazju lill-vuċijiet tat-tfal. Dan filwaqt li jappoġġja l-attiviżmu fost it-tfal u ż-żgħażagħ, li hu kruċjali biex inkomplu nsaħħu s-soċjetà tagħna. Irrimarka għall-proġett R.I.G.H.T.S. immexxi mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà b’appoġġ mill-Gvern fost oħrajn, li qed jirriżulta f’taħriġ ta’ tfal u żgħażagħ f’ħiliet tat-tmexxija biex jitwaqqfu l-Kunsilli tat-Tfal Lokali u Reġjonali.

Dr Abela temm jgħid li t-tfal mhumiex biss il-preżent u l-futur iżda l-bażi tas-soċjetà Maltija li rridu nibqgħu nagħtuhom kull appoġġ biex il-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż ikun isbaħ. 

Sport