Friday, December 13, 2024

“Qed naħdmu bla heda biex ma naslux fejn spiċċaw pajjiżi oħrajn”

Aqra wkoll

Il-konsulent Patrick Farrugia mid-Dipartiment tal-Emerġenza dwar is-sitwazzjoni tal-coronavirus f’pajjiżna

M’hemm ebda dubju li fost il-pubbliku inġenerali hemm tensjoni u ansjetà kbira minħabba l-Coronavirus. Ix-xeni ta’ trakkijiet militari, skjerati wara xulxin, mimlijin twiebet b’pazjenti li mietu bil-Coronavirus f’Bergamo, ixxukkjat u werwret lil ħafna. Ix-xeni ta’ pazjenti mal-art u diskorsi li se jiġu kkurati l-ewwel dawk iżgħar fl-età hi xi ħaġa oħra li beżżgħet.  Quddiem dan, tkellimna mat-tabib Patrick Farrugia li għandu esperjenza kbira fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Fi kliemu stess, f’Malta qed jittieħdu l-prekawżjonijiet kollha possibli u l-ħidma minn kulħadd hi dik li Malta ma tasalx fejn waslu pajjiżi oħra.

It-tabib Patrick Farrugia, li ilu għal dawn l-aħħar għoxrin sena jaħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza, f’kummenti lil IT-TORĊA qalilna li “waqt din is-sitwazzjoni ta’ bħalissa, ix-xogħol fid-Dipartiment tal-Emerġenza hu maqsum f’żewġ partijiet.  Hemm ix-xogħol ta’ kuljum li allavolja l-volum tan-nies naqas, dan jibqa’ għaddej. Irridu nikkuraw lil min jweġġa gravi, jkollu puplesija jew mard ieħor bħal mard tal-qalb. Dawn jibqgħu jsiru anke waqt pandemija!”. Imbagħad hemm  il-preparamenti b’rabta mal-Covid-19.

Jgħidilna li “meta jkun hemm bżonn jattendu pazjenti bil-COVID 19 fid-Dipartiment tal-Emerġenza hemm proċeduri stabbiliti biex ma jiġux infettati nies li attendew għall-kura ta’ kundizzjonijiet oħra. L-għan hu li nippruvaw nikkontjenu in-numri baxxi kemm nistgħu. Apparti dan qed nippreparaw ħafna affarijiet relatati mal-COVID-19, bħal linji gwida ġodda ibbażati fuq dawk internazzjonali, tibdil ta’ żoni li se jintużaw ghall-COVID-19 jew le, u preparamenti ta’ żoni li se jintużaw għal nies bil-COVID-19 f’kundizzjon aktar serja. Qegħdin insegwu l-komunità medika internazzjonali biex aħna nitgħallmu kemm mis-suċċessi u anke mill-iżbalji ta’ pajjiżi oħra. Dan biex il-kura li nagħtu tkun l-aħjar possibbli. Kemm it-tobba kif wkoll l-infermiera u kull min jaħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza qegħdin jagħmlu l-almu kollu biex jintlaħaq dan il-għan”.

Spjegalna wkoll li “aħna bħala dipartiment qed ikunu involuti ukoll fil-loġistika u t-trasport tal-pazjenti bil-COVID-19, b’mod partikolari dawk li jkollhom jiġu l-isptar bħala osservazzjoni jew għall-kura.  Lil E.A.Rs li jsuqu u jaħdmu fuq l-ambulanzi qed ngħaddulhom informazzjon eżatta, dwar x’ambulanzi għandhom jintużaw u anke x’jilbsu, biex innaqqsu r-riskju ta kull ħaddiem kemm jista jkun”

Għadna kmieni ħafna, u rrid inwissi li jekk il-pubbliku ma jobdix id-direttivi tad-Dipartiment tas-Saħħa, in-numri li għandna bħalissa jistgħu jikbru. Importanti ħafna li nkomplu nobdu

Il-konsulent Patrick Farrugia mid-Dipartiment tal-Emerġenza

X’inhi l-impressjoni li ħa ta’ dan il-virus?

Ma stajniex ma nistaqsuhx dwar x’impressjoni  ħa ta dan il-virus, li qatt ma kien deher bħalu. Dr. Farrugia jgħidilna li “l-impressjoni u esperjenza hi li hemm pazjenti li kważi jew ma jidhrux s-sintomi fihom u imbagħad hemm l-oħrajn li huma sintomatiċi ħafna. Dawn ta l-aħħar jkunu f’kundizzjoni serja ħafna. Irrid ngħid li sa issa f’Malta in-numri ta’ pazjenti b’sintomi serji għadu żgħir. Għadna kmieni ħafna, u rrid inwissi li jekk il-pubbliku ma jobdix id-direttivi tad-Dipartiment tas-Saħħa, in-numri li għandna bħalissa jistgħu jikbru. Importanti ħafna li nkomplu nobdu”

Imma l-Italja x’qed jiġri? Għaliex daqshekk imwiet? Dak jista’ jiġi ripetut f’Malta?

Dr. Farrugia jgħidilna li “l-imwiet ma jiġux għal raġuni waħda. L-ewwelnett l-Italja hemm popolazzjoni kbira u hemm nies li għandhom ċerta età. Dwar x’se jiġri eżatt f’Malta wieħed ma jistax jgħid. Qed naħdmu bla heda u bl-isforzi kollha possibbli biex ma naslux fejn waslu it-Taljani.  L-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta għaddejjin bil-preparamenti kollha biex Malta ma tasalx hemm. L-isptar u d-dipartimenti kollha tas-saħħa qed naħdmu id f’id. Id-Dipartiment tal-Emerġenza sibna għajnuna kontinwa u support minn kulħadd. Qed isir kull sforz. Kulħadd qed jaħdem biex ma nmorrux hemmhekk. In-nies hemm bżonn li jobdu. Jekk ma jobdux, nistgħu nagħmlu kollox imma dan ikun għalxejn. Għalhekk importanti li nobdu.” 

S’issa Malta ma kellniex imwietdin dovuta għas-servizz tas-saħħa?

It-tabib Farrugia jgħidilna li “l-kura offruta f”Malta hi tajba ħafna. Qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha. Meta għandek sistema ta’ saħħa b’saħħitha u bil-bżonnijiet kollha kemm jista’ jkun indirizzati, in-numru ta’ mwiet għandu jkun limitat. Sa issa nirringrazzjaw l-Alla li bil-miżuri kollha li ttieħdu mid-Dipartiment tas-Saħħa u mill-pajjiż kollu, in-numru ta’ każijiet gravi hu baxx. Nisperaw li bix-xogħol li qed isir inżommuhom baxxi. Jiġri hekk jew le, jiddependi minn fatturi li jmorru lil hemm minnha. L-aktar importanti fost dawn hu li n-nies iżommu id-distanza bejniethom”.

Ekonomija

Sport